Awdjo: “Bla Kap sod tal-PN, Malta tispiċċa b’partit wieħed” – Frank Portelli

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Frank Portelli qal li jekk il-Partit Nazzjonalista mhux se jkollu kap sod, il-partit se jitfarrak u l-pajjiż se jispiċċa “one-party state.”
Waqt Newsline fuq RTK, Portelli qal li l-problema mhux qiegħda biss fil-Partit Nazzjonalista imma wieħed irid jiftakar li l-Gvern “tant għandu saħħa u maġġoranza kbira li jagħmel li jrid.”
Kien hawn li Portelli saħaq li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun Oppożizzjoni b’saħħitha.
“Il-kunsilliera tal-PN ma għandhomx jivvutaw lil min jogħġob lilhom”
Għalhekk saħaq li l-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista jridu jivvutaw mhux lil min jogħġob lilhom imma lil min kapaċi jrebbaħ l-elezzjoni.
Wissa biex ma jerġax isir dak li ġara ftit qabel l-2013, meta l-Kunsill Ġenerali approva lil Lawrence Gonzi b’maġġoranza kważi assoluta, u ftit wara l-PN tilef l-elezzjoni b’36,000 vot.
“Trid tbaxxi rasek għad-deċiżjoni tal-poplu”
Dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, Frank Portelli kkritika d-deċiżjoni tal-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi li fil-Parlament ivvota kontra l-introduzzjoni tad-divorzju meta l-poplu kien iddeċieda bil-kontra f’referendum.
“Trid tbaxxi rasek għad-deċiżjoni tal-poplu,” qal Frank Portelli. “Hemm għidna li aħna superjuri għan-nies.”
“Jien jisimni Frank u rrid inkun frank ma kulħadd”
Tkellem fuq kwistjonijiet oħra, li fi kliemu, fihom, il-Partit Nazzjonalista tilef il-kredibilità. Fost dawn tkellem dwar l-għoti tal-art f’San Ġiljan lil db Group, li l-Partit Nazzjonalista kien ikkritika bi kbir u ftit wara sar magħruf li diriġenti tal-Partit Nazzjonalista kienu l-avukati tal-istess kumpanija.
Qal li dak iż-żmien kien sab lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u qallu li dan ma jagħmilx sens. Fi kliem Portelli, f’dik il-kwistjoni, il-Partit Nazzjonalista tilef il-kredibilità.
“Il-prinċipji tagħna saru vagi”
Kompla jgħid li l-politika tal-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li tkun ċara. B’referenza għal kwistjonijiet bħal-Liġi taż-Żwieġ, Portelli qal li l-linja tal-Partit Nazzjonalista ma kinitx ċara. “Il-prinċipji tagħna saru vagi,” kompla jgħid Dr Portelli.
“Il-PN irid jitgħallem minn Joseph Muscat”
Tkellem ukoll dwar il-Prim Ministru Joseph Muscat li ddeskrivieh bħala “avversarju” u mhux “għadu” tal-Partit Nazzjonalista. Qal li l-PN jeħtieġ jitgħallem mill-kapaċità ta’ Muscat li jikkonvinċi iżda jeħtieġ ukoll li jkun kredibbli.
Sptar St. Philips: “Mhux se jkolli x’naqsam ma’ affarijiet kummerċjali”
Newsline staqsa wkoll lil Frank Portelli dwar il-każ tal-isptar tiegħu St. Philips, li minħabba fih kien xellef difru mal-Partit Nazzjonalista. Ftit qabel l-elezzjoni tal-2013, Portelli ried li l-Gvern Nazzjonalista jidħol bi sħab mal-isptar tiegħu, iżda l-amministrazzjoni ta’ dak iż-żmien ma wrietx interess.
Dwar din il-kwistjoni, Portelli qal biss li jekk ikun elett Kap tal-PN mhux se jkollu x’jaqsam aktar ma’ affarijiet kummerċjali. Dawwar id-diskors fuq il-Partit Laburista, dak iż-żmien fl-Oppożizzjoni u fakkar li dan kien kontra l-ftehim għax qal li ried ikun kollox trasparenti.
Dr Portelli insista li hu kien poġġa l-karti kollha fuq il-mejda, mhux kif għamel il-Partit Laburista meta tela’ fil-Gvern, biegħ tliet sptarijiet “bix-xejn,” għal mitt sena u mill-kuntratti qaċċat sittin paġna.
“Bħala membru tal-bord tal-PBS ikkritikajt fejn kelli nikkritika”
Minkejja li fl-aħħar snin, il-PN ikkritika diversi drabi r-rapurtaġġ fuq l-Istazzjon Nazzjonali, Frank Portelli, sa ftit jiem ilu kien membru fil-bord tal-PBS.
Dwar dan, Portelli qal li meta ġie avviċinat mill-Ministru ta’ dak iż-żmien Louis Grech, għamilha ċara li jaċċetta li jkun membru tal-bord jekk ikun jista’ xorta waħda jitkellem fil-miftuħ u jikkritika lill-Gvern fejn ikun hemm bżonn.
Kompla jgħid li l-bord ried ikun fair ma’ kulħadd u insista li tgħid x’tgħid ħafna se jinterpretawk b’modi differenti.