“Bla deputat wieħed min-Nofsinhar, ikun hawn rivoluzzjoni” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat irrimarka li l-ammont ta’ nisa eletti fil-Parlament huwa wieħed mid-diżappunti kbar fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Il-Kap tal-Partit Laburista qal dan waqt kollegament telefoniku fuq One Radio, l-għada li d-delegati tal-partit għażlu lil Chris Fearne bħala Deputat Mexxej tal-Partit għall-Affarijiet tal-Parlament. Jikkontestaw miegħu kien hemm Helena Dalli u Edward Scicluna.
Dr Muscat qabbel is-sitwazzjoni tan-nisa ma’ li kieku m’hemmx deputat wieħed fil-Parlament min-Nofsinhar ta’ Malta. Qal li kieku kien ikun hawn rivoluzzjoni mistħoqqa, iżda sfortunatament din hija r-realtà għan-nisa.
Dr Muscat beda billi awgura lill-Ministru tas-Saħħa, filwaqt li ta rendikont tal-ħbiberija u l-ħidma tiegħu ma’ Fearne fil-passat, li tmur lura sa 10 snin ilu.
Sostna li l-PL kellu għażla rikka mill-kandidati, u feraħ għall-kampanji tat-tliet kandidati, kif ukoll għall-mod kif ġabu ruħhom u l-fiduċja li wrew fih bħala mexxej.
Dwar sehem il-mara fil-politika, Dr Muscat qal li prattikament hemm nofs il-pajjiż mhux rappreżentat fil-Parlament.
Il-Mexxej Laburista kompla jitkellem dwar il-pjan li għandu l-Gvern biex jindirizza din l-isfida.
Qal li l-bidla mistennija se tkun maqsuma fuq żewġ binarji, li huma L-kwoti, u l-pjan LEAD.
Dwar il-kwoti, Dr Muscat ħabbar li se jinfetħu diskussjonijiet mal-Oppożizzjoni wara li tgħaddi l-elezzjoni tal-PN għal Kap tal-Partit, jiġifieri mhux qabel Settembru li ġej.
Il-proġett LEAD, li se jitmexxa mill-Ewroparlamentari Miriam Dalli, se jinfirex fuq 10 snin u għandu l-mira  li sal-elezzjoni tal-2027, nofs il-kandidati kollha tal-Partit Laburista jkunu nisa.
Dr Muscat enfasizza fuq il-ħtieġa ta’ bidla mentali u fuq kollox kulturali.
Qal li dil-bidla kulurali meħtieġa għax huwa l-poplu li jagħżel il-kandidati tal-partit, u mhux il-partit, kif isir f’pajjiżi oħra. Għalhekk, kompla, il-bidla trid issir mill-poplu kollu.
Tkellem dwar in-nisa li se jkunu qed japplikaw għal programm LEAD, fejn  sostna li se jkunu qed jirċievu għajnuna fuq diversi binarji sabiex ikunu preparati bl-aħjar mod.