Bla dar fejn jgħixu, qabdithom ix-xita u daħlu f’villa: spiċċaw il-Qorti

Read in English.

Tliet żgħażagħ li ma kellhomx saqaf fuq rashom spiċċaw quddiem il-Qorti wara li daħlu f’villa abbandunata waqt il-maltemp li għamel din il-ġimgħa. Il-Qorti semgħet kif it-tliet żgħażagħ barranin kienu oriġinarjament qed joqgħodu f’Dar Papa Franġisku f’Santa Venera meta spiċċaw bla saqaf għax kien għaddielhom il-perjodu stipulat li setgħu jibqgħu jgħixu hemm. Huma setgħu idumu seba’ ġimgħat u wara kellhom jaraw fejn se jdabbru rashom.

Mingħajr ma kellhom fejn imorru u bix-xita nieżla qliel, il-grupp ta’ tlieta daħlu f’Villa Fontaine Bleau f’Santa Venera stess. Din hi binja abbandunata. Il-prosekuzzjoni qalet li l-irġiel daħlu fil-binja minn tieqa li kissru u li kienet tagħti għall-kċina tal-villa. L-uffiċjal tal-prosekuzzjoni spjega kif dan kien każ umanitarju u li l-ħsara li għamlu ma kinitx tiswa aktar minn €5. Hu żied jgħid li sid il-binja lanqas biss talab biex iħallsuh lura għad-danni li kkawżaw.

L-inċident seħħ fil-11 ta’ Settembru għall-ħabta tal-3:45pm u l-Pulizija marru fuq il-post wara li rċivew rapport mill-ġirien. Għalkemm iż-żgħażagħ m’għandhomx fejn joqgħodu, qalu lill-Qorti li huma lesti li jħallsu tal-ħsara li għamlu u ammettew li kissru ħġieġa u daħlu fil-villa.

Il-prosekuzzjoni spjegat kif iż-żgħażagħ ikkoperaw totalment mal-pulizija u ma kellhomx l-intenzjoni li jisirqu. Kien sempliċi każ fejn ippruvaw isibu post fejn jistkennu mix-xita. Il-Qorti m’ordnatilhomx iħallsu tal-ħsarat minħabba li sid il-villa m’għamilx din it-talba. Huma ma ngħatawx piena ta’ ħabs iżda kien spjegat li jekk jikkommetu xi krimminalità f’temp ta’ sena, jista’ jkun li jispiċċaw b’sentenza ħabs ta’ massimu tliet xhur.