Bla bejt u xorta jgawdu mill-pannelli

Madwar 370 familja li ma għandhomx bejt se jkunu jistgħu jibbenefikaw xorta waħda minn traħħis fil-kont tad-dawl bis-saħħa tal-iskema Communal PV Scheme.
Bħalissa, fis-sit tal-Fiddien, ir-Rabat, li jkopri żona ta’ daqs żewġ grounds tal-football, għaddej ix-xogħol fuq l-ewwel solar farm komunitarju f’Malta li se jkolli fih madwar 4,000 pannella.
Dalgħodu żar ix-xogħol il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi li spjega kif bis-saħħa tal-proġett se jkunu qed jitnaqqsu wkoll l-emissjonijiet b’madwar 600 tunellata ta’ dijossidu karboniku (carbon dioxide) fis-sena. 
Il-proġett sewa madwar €1.46 miljun.
Il-Ministru Joe Mizzi spjega li kull familja ngħatat l-opportunità tikkontribwixxi sa massimu ta’ 3 kilowatt peak virtwali għall-prezz ta’ €1,495 għal kull kilowatt peak.
Dawn il-familja se jirċievu tnaqqis mill-kont ta’ 15-il ċenteżmu għal kull kilowatt hour virtwali matul l-ewwel sitt snin u 10.5 ċenteżmu għall-14-il sena ta’ wara.
Il-proġett, li qed jitmexxa mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u mistenni jitlesta sa Ottubru. 

Ritratt: DOI – Reuben Piscopo