Bl-influwenza? Ara meta għandek tmur għand it-tabib!

F’dan iż-żmien tas-sena huwa faċli li tħossok ma tiflaħx. Tgħid għandek l-influwenza? Segwi din l-informazzjoni biex tkun taf meta għandek tmur tara t-tabib.

  • Għandek 65 sena jew aktar
  • Għandek sistema mmunitarja batuta, per eżempju jekk tieħu l-kimoterapija jew għandek l-HIV
  • Tiżviluppa uġigħ f’sidrek, qtugħ ta’ nifs jew diffikultà biex tieħu nifs, jew tibda tisgħol id-demm
  • Għandek kundizzjoni medika kronika bħad-dijabete, mard tal-qalb, mard tal-pulmun, mard tal-kliewi jew mard newroloġiku
  • Int tqila
  • Jekk tħossok agħar jew ma tkunx aħjar fi żmien ġimgħa

F’dawn is-sitwazzjonijiet jista’ jkollok bżonn mediċini biex jittrattaw jew jipprevenu l-kumplikazzjonijet tal-infkuwenza. It-tabib jista’ jirrikmandalek mediċini biex inaqqsu s-sintomi tal-influwenza.

Kif taqbdek l-influwenza?

Il-virus tal-influwenza jinsab fil-miljuni ta’ qtar żgħar li joħorġu mill-imnieħer u l-ħalq u jinfirxu sa distanza ta’ madwar metru meta persuna infettata tagħtas jew tisgħol.

Dan il-qtar jista’ jinfetta neis oħra meta jinġibed ‘l ġewwa man-nifs.

Il-virus jista’ jikkontamina l-uċuħ tal-għamara u oġġetti oħra u jista’ jibqa’ ħaj għal madwar 24 siegħa.

Meta persuna tmiss dawn l-oġġetti u mbagħad tmiss l-imnieħer, l-għajnejn jew il-ħalq tista’ atqbadha l-influwenza.

Huwa mportanti ħafna li wieħed jaħsel idejħ ta’ spiss bis-sapun.

Il-viruses li jikkawżaw l-influwenza jinbidlu kull sena u għalhekk għandek tingħata l-vaċċin kontra influwenza kull sena sabiex tkun protett.

AQRA: 14-il sintomi tal-influwenza

Għal aktar informazzjoni ċempel lid-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-mard fuq 23266000 jew liċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tilqim fuq 2568 0222/3/3.

AQRA: X’inhi d-differenza bejn riħ u influwenza

Din l-informazzjoni twasslet fuq il-fuljett maħruġ mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard.