“Bl-għoli tal-ħajja, it-tfal l-aktar li jbatu” – PD

Il-Partit Demokratiku wera tħassib dwar kif l-qabża fl-għoli tal-ħajja qed taffettwa l-aktar lit-tfal.

Skont il-PD, il-Gvern ma jirrikonoxxix ir-realtajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ċerti familji, u jistrieħ fuq strateġiji populisti maħsuba biex jaljenaw lill-poplu.

Il-PD qal li avviċinawh numru ta’ edukaturi, fosthom terapisti, social workers, u psikologi impjegati mill-Gvern li ma jistgħux ilaħħqu mad-domanda għas-servizzi tagħhom. Minħabba f’hekk, numru ta’ tfal b’sitwazzjonijiet “inqas urġenti” qegħdin jitħallew jaqdfu waħedhom.

Problema inkwetanti oħra, skont il-PD, hi li l-ġenituri qegħdin jaħdmu aktar sigħat biex jipprovdu lil uliedhom bil-bżonnijiet bażiċi, u b’kawża ta’ dan, il-bżonnijiet soċjali u emozzjonali tat-tfal, bħal dieta tajba, eżerċizzju fiżiku, l-eżempju xieraq li jagħtu l-ġenituri, il-qari u l-komunikazzjoni, qegħdin jiġu injorati.

Il-Partit Demokratiku appella lill-Gvern biex jiftaħ għajnejh sabiex jirrikonoxxi lil dawk aktar sensittivi u vulnerabbli fis-soċjetà, kif ukoll biex jisma’ minn dawk li għandhom ħajjet it-tfal għal qalbhom.