“Bl-Enċiklika, il-Papa jħit it-tiċrita bejn l-ambjent u l-ekonomija”

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li minkejja l-Enċiklika l-ġdida tal-Papa Franġiksu tindirizza l-ambjent, “minn kliem il-Papa jidher ċar li l-emerġenza ekoloġika hi sintomu ta’ suġġett aktar wiesa’ – il-bniedem u l-iżvilupp ekonomiku.”
Semma kif fl-Enċiklika, il-Papa joffri riflessjoni dwar l-ambjent, imma f’rabta mal-ekonomija, il-kummerċ, ix-xogħol u l-kultura konsumistika. 
“Il-Papa jħit it-tiċrita bejn l-ekoloġija ambjentali ma’ dik ekonomika, soċjali u kulturali,” żied jgħid l-Isqof.
Mons. Mario Grech qal li f’epoka, fejn il-bniedem aktar jagħti valur lil dak li għandu, milli lil dak li hu, u misjuq mill-kilba biex jaħtaf u jixtieq jikseb kollox ‘issa’, hemm riskju li kollox ikun iddettat mil-loġika tal-immedjatezza.
Żied jgħid li min għandu l-attitudni li jiġi jaqa’ u jqum mid-drittijiet tal-oħrajn, ikun qed iqis lid-dgħajjef, lill-fqir, lill-anzjan u lill-marid bħala “sempliċi sinna miksura fir-rota tal-magna l-kbira li tipproduċi l-flus.”
L-Isqof ta’ Għawdex spjega li ħafna drabi mad-danni ambjentali hemm marbuta t-tnaqqir tal-kwalità tal-ħajja umana u d-degradazzjoni soċjali.
Sostna li l-Papa qed jappella lil firxa wiesgħa ta’ persuni fosthom ekonomisti, bankiera, nies tan-negozju, xjenzjati, politiċi u ġurnalisti, partikolarment dawk li jħaddmu s-sistema li minflok tirrispetta lill-bniedem, tinqeda bih.
L-Isqof Grech saħaq li l-Enċiklika hi stedina sabiex ilkoll nilqgħu l-isfdia ekoloġika, bħala opportunità biex nirriflettu fuq x’dinja rridu nibnu fis-snin li ġejjin u x’azzjoni nistgħu nieħdu.
Mons. Isqof saħaq li “jekk nibqgħu sajmin dwar Alla, nifgaw il-kuxjenza tagħna u toktor fina l-kilba.” Spjega li aktar mal-qalb tal-bniedem tkun battala, aktar ikollha bżonn tixtri, tipposedi u tikkonsma oġġetti.
Qal li hemm diversi modi kif il-Knisja tista’ tkompli tgħin fil-kawża ekoloġika, l-aktar billi tgħin lil bniedem ikompli jfittex lil Alla.