“Bl-abort qed telimina ħajja umana”

Ebda abort fejn hemm qalb tħabbat

F’intervista lil stazzjon televiżiv Messikan li xxandret mill-aġenzija Vatican News il-Papa Franġisku tkellem dwar diversi temi, fosthom kompla jisħaq kontra l-abort li sostna li din problema umana. (L-ewwel parti tal-intervista dehret fuq Newsbook dalgħodu).

Dwar dan is-suġġett il-Papa qal li hu dejjem jagħmel żewġ mistoqsijiet: “Hu ġust li telimina ħajja umana biex issolvi problema?” Ir-risposta hi “Le”. It-tieni domanda hi “Hu ġust li tħallas lil xi ħadd biex jispara ħalli jsolvilek problema? “Le”. “L-abort mhux kwestjoni reliġjuża. Hi problema umana. Qed telimina ħajja umana”.

Relazzjonijiet ma’ Gvernijiet

F’din l-intervista l-Papa Franġisku tkellem ukoll dwar kif fil-vjaġġi tiegħu kultant isib ruħu f’sitwazzjonijiet fejn il-mexxejja politiċi jistgħu jkunu qed jadottaw politika li hu ma jaqbilx magħha. F’dawn is-sitwazzjonijiet dejjem jipprova jibda djalogu għall-aħjar riżultati possibbli.

Qal li fid-diskorsi tiegħu, jitkellem b’mod ġeneriku dwar il-problema tal-pajjiż, imma fil-laqgħat privati mal-mexxejja jagħmel pass ieħor u jinkoraġixxi li ssir ħidma għall-ġid. “Insibu li kulħadd għandu xi ħaġa tajba, tista’ tkun rieda tajba u anke dawk li ma jemmnux dejjem jagħmlu xi ħaġa tajba. Sostna li qatt m’hu tajjeb li titkellem kontra l-oħrajn.

Hawnhekk, Papa Franġisku svela għall-ewwel darba li t-titlu ta’ ktejjeb li qassam fost il-membri tal-Kurja Rumana hu “Titkellimx ħażin fuq l-oħrajn”. “Is-seksik hu difett universali u japplika għal kulħadd” mexxejja, tfal, żgħażagħ, nisa u rġiel. Jgħidu li n-nisa jqasqsu aktar: mhux veru! Anke l-irġiel iseksku, qal il-Papa.

Sitwazzjonijiet ‘irregolari’

Il-ġurnalista Messikana li ilha għal snin tirrapporta mill-Vatikan, staqsiet lill-Papa dwar ċerti kontroversji li jqumu minn ġesti jew kliem li jingħadu privatament lil xi individwi bħal fil-każ meta l-Papa għannaq persuna transesswali u l-partner tiegħu, jew il-kliem li qal lil mara divorzjata fejn allegatament qalilha li setgħet titqarben.

Il-Papa spjega li “kultant in-nies, sforz l-entusjażmu li qed jiltaqgħu mal-Papa, jgħidu affarijiet aktar milli jkun qal il-Papa u dan wieħed irid iżommu f’moħħu.

Madankollu, aħna lkoll ulied Alla u ma nistgħu narmu lil ħadd. “Jien ma nistax ngħid lil xi persuna li l-imġieba tiegħu jew tagħha hi skont kif trid il-Knisja, imma rrid ngħidilhom il-verità: “Int iben jew bint Alla, u Alla jridek kif int, irranġa s-sitwazzjoni Miegħu. Alla jħobb lil uliedu kollha”, insista l-Papa.

L-omosesswalità

Biex jenfasizza t-twemmin tiegħu li aħna lkoll ulied Alla, il-Papa nsista fuq il-fatt li l-familja trid tħobb lil kulħadd, inkluż lil dawk it-tfal li huma omosesswali.  Hu ċaħad li xi darba qal li l-omosesswali għandhom bżonn jaraw psikjatra. Iżda żied jgħid: “Dan ma jfissirx li jien napprova atti omosesswali, bogħod minn hekk”.

Fl-aħħar tal-intervista kkjarifika xi jrid jgħid bil-famuża kwotazzjoni tiegħu: “Min jien jien biex niġġudika?” Hu kien għadda dan il-kumment fuq ajruplan waqt li kien qed jirritorna minn Rio de Janiero fil-bidu tal-pontifikat tiegħu.

Jidher li dan il-kumment qajjem aspetattiva kbira fost il-komunità omosesswali li stenniet li se jmur pass aktar minn hekk. Il-Papa qal li d-duttrina Kattolika ma nbidlitx. Hu wissa’ kontra t-tentazzjoni li l-kliem jinħareġ barra mill-kuntest li fih jingħad. Qal li fejn tidħol id-dutrina hu jqis lilu nnifsu bħala “konservattiv”.