“Bkejt bil-mewt ta’ Chris imma nemmen li qed jgħin mill-ġenna” – Fr Hayden

Mal-aħbar tal-mewt ta’ Chris, Fr Hayden qal li beka għax ma fehemx għaliex il-Mulej sejjaħlu f’età hekk ċkejkna, imma qal li jaf li dak li jagħmel Alla hu sewwa u Chris hu interċessur fis-sema.

Fr Hayden Williams tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar il-ħbiberija tiegħu ma’ Chris Portelli, il-missier li tilef ħajtu dalgħodu wara ġimgħa l-isptar wara l-waqgħa tiegħu minn fuq sellum fl-impjant ta’ Delimara fis-26 ta’ Diċembru.

Is-saċerdot iddeskriva lil Chris bħala raġel umli, ta’ qalb kbira u li jħobb iferraħ u jaqdi lil kull min jiltaqa’ miegħu. Iddeskrivieh bħala raġel ta’ aktar fatti milli kliem, u raġel tal-familja li ħabb lil martu u li mat-tfal ma kienx biss missier, imma ħabib. Fuq kollox, qal Fr Hayden, Chris kien bniedem ta’ Alla, għax għalih, ħadd u xejn ma kien jiġi qabel Ġesù.

Mistoqsi dwar l-ewwel laqgħa tiegħu ma’ Chris, Fr Hayden qal li Chris minn dejjem kien bniedem ta’ fidi, iżda huwa kellu esperjenza qawwija tal-preżenza ħajja ta’ Ġesù Ewkaristija bħala “bniedem iggranfat mal-Ewkaristija” fl-ewwel laqgħa ta’ talb Ejjew Għandi li attenda għaliha, li Fr Hayden jorganizza ta’ kull xahar. Huwa kien jagħmel minn kollox biex jiġbor lil sħabu għal quddiesa fuq ix-xogħol u xi drabi għar-rużarju fil-każin.

Lil Fr Hayden kien talbu biex jibda jagħmel parti mill-Fraternità, u hawn bdew il-mixja flimkien. Huwa qal li Chris kien ta’ kuraġġ kbir għalih bħala saċerdot, għax rah jgħix is-sejħa tiegħu ta’ Nisrani, miżżewweġ, missier u ħaddiem, u kien jitgħallem mingħandu stess dwar l-imħabba t’Alla. Qal li ma jistax jinsa wiċċu jitbissem u bid-dmugħ iġelben ma’ ħaddejh waqt l-adorazzjonijiet. Fr Hayden irrakkonta kif fl-aħħar SMS li bagħatlu, kien qallu “Proset!” għax kien avviċina persuna biex jakkumpanjaha spiritwalment matul l-Avvent.

Fr Hayden irrakkonta kif l-aħħar darba li ltaqa’ ma’ Chris kienet 3 ijiem qabel l-inċident, meta kielu, daħku, iċċajtaw, daqqew il-mużika u żifnu ma’ wliedu u talbu flimkien. Qal li dakinhar stess, kienu ddiskutew ma’ mart Chris kemm hawn nies li qegħdin ibatu.

Chris u Fr Hayden waqt barbikju tal-Fraternità

Is-saċerdot temm jgħid li għalkemm huwa diffiċli biex jifhem għaliex Chris ħalliena hekk żgħir, messaġġ li kien bagħatlu Chris fl-2016 qawwielu qalbu. Il-messaġġ kien jgħid: “Jien qaddej nixtieq nibqa’, anke wara mewti.  Għal dan qiegħed nitlob: biex ngħin l-erwieħ kollha.”  Fr Hayden għandu fiduċja li Alla qed jaqta’ x-xewqa ta’ Chris li jibqa’ jgħin lil kulħadd mill-ġenna.

Inrodd ħajr lil Alla għad-don sabiħ ta' Chris Portelli (#chrisportelli)li kien wieħed mill-aħwa tal-bidu fil-Fraternita…

Posted by Hayden Williams on Wednesday, January 2, 2019