Bjorn jistenna deċiżjoni mill-PM dwar maratona ġbir ta’ fondi

Ritratt: Facebook/BjornFormosa

Read in English.

Bjorn Formosa, l-pazjent li għal dawn l-aħħar snin qed jingħata l-kura għall-marda tal-ALS, qed jistenna deċiżjoni mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-PM Carmelo Abela dwar maratona ġbir ta’ fondi tal-Istrina li se ssir ġimgħa qabel il-maratona għall-pazjenti bl-ALS.

Il-kontroversja nqalgħet fl-aħħar 24 siegħa meta Bjorn għamel appell lill-President biex iċaqlaq id-data għal maratona tal-Istrina li din is-sena se ssir ukoll f’Settembru. F’messaġġ imqanqal fuq Facebook, Bjorn qal li huwa jaħdem 20 siegħa kuljum b’mod volontarju biex jiġbor fondi għall-proġetti li jgħinu pazjenti oħra bl-istess marda. Qal ukoll li l-maratona tiegġu ġiet relegata għall-istazzjon TVM 2 mentri l-Fondazzjoni tal-Community Chest Fund se xxandar l-attività permezz ta’ TVM.

Bjorn Formosa waqt L-Istrina ta’ ħames snin ilu.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta Jason Micallef qal li trid tkun “vili biex toħroġ tattakka lill-Istrina fuq il-midja socjali meta l-persuna nnifisha gawdiet u għadha qed tgawdi mill-Istrina u mill-istat innifsu bl-eluf matul is-snin sal-lum”. Għal dan, Bjorn wieġeb li lest jaħfer lil Micallef u ppubblika serje ta’ fatti li skont hu juru li hu grat għall-għajnuna li rċieva tul is-snin iżda jħoss li xorta waħda kellu juri d-diżappunt tiegħu għal mod kif imxew l-affarijiet.

Fuq Facebook Bjorn qal li l-kummenti li għadda hu ma kinux politiċi u lanqas ma kienu intenzjonati li jattakkaw partit jew ieħor.

Jidher li issa deċiżjoni finali dwar dan tħalliet f’idejn il-PM u l-Ministru Carmelo Abela biex fis-sigħat li ġejjin jagħtu risposta lil Bjorn dwar l-organizzazzjoni tal-maratoni ġbir ta’ fondi fuq it-televixin. Bjorn qal li attivitajiet bħal dawn jirrikjedu ħafna xogħol, preparazzjonu reklamar u għalhekk il-kundizzjonijiet neċessarji għandhom jintlaħqu biex tkun tista’ ssir.