Bjorn Formosa: “Meta tgħix għall-oħrajn, tgħix għalik innifsek”

Bjorn Formosa, il-fundatur tal-Fondazzjoni ALS, qal li “meta tgħix għall-oħrajn, tkun iktar faċli li tgħix għalik innifsek”.
Mistoqsi jirreaġixxi mill-preżentatur tal-programm Newsline għall-mod kif infetaħ beraħ biex jagħti tama, Bjorn jirrakkonta b’sens ta’ nostalġija kif il-pjanijiet kienu ferm iktar modesti iżda maż-żmien beda jifhem aktar l-iskop f’ħajtu li jkun ta’ servizz għall-oħrajn.
B’nifsu maqtugħ lejn l-aħħar tal-intervista, Bjorn tkellem dwar il-messaġġ li għamel fl-ewwel tas-sena fejn qal li s-sena 2018 tista’ tkun l-aħħar sena għalih.
Fil-programm Newsline li jixxandar fuq RTK kull nhar ta’ Sibt mill-10am sa nofsinhar, Bjorn kien deskritt bħala bniedem li ta tama ġdida għal ħafna nies li ma kellhomx tama filwaqt li kien imqabbel bħala dawl fl-individwaliżmu.
B’risposta għal dan, Bjorn jgħid li jsib kuraġġ fit-tama għaliex f’ħajtu induna li “meta tagħti, taqla ħafna iktar”.
Spjega li inizjalment ma kinitx faċli iżda mill-iżvintura li għaddha minnha rnexxielu jagħmel kull sforz biex jgħin lill-oħrajn.
Dwar Dar Bjorn, li tilqa’ fiha persuni b’kundizzjonijijet bl-ALS, Bjorn qal li d-dar infetħet bl-aktar tagħmir teknoloġiku riċenti.
Ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla timtela’ kollha u b’hekk 13-il pazjent ikunu qed jieħdu l-kura minn din id-dar.
Spjega li l-ħsieb wara din id-dar nibet meta beda jsir jaf b’pazjenti oħra bħalu li kellhom ċertu nuqqasijiet bħal servizzi bażiċi li ma kienux qed jaslu għandhom.
Sostna li għall-futur ma jeskludix li jkun hemm aktar spazju ta’ sodod.
Fl-intervista, Bjorn irringrazzja lill-mara tiegħu li 24 siegħa kuljum tkun hemm fejnu, tissapportjah f’kull ħaġa li jagħmel.
Fr. Joe Borg rringrazzja lil Bjorn tal-messaġġ ċar u qawwi dwar kif il-bniedem isib lilu nnifsu meta jgħin lill-oħrajn.
Bjorn se jkun qed jingħata l-Premju Favur il-Ħajja mill-Fondazzjoni Gift of Life.