Bjorn b’operazzjoni riskjuża f’Settembru

Facebook - Bjorn Formosa

F’Settembru Bjorn Formosa, il-fundatur tal-Fondazzjoni ALS, se jkollu operazzjoni riskjuża.

Fuq Xarabank Bjorn qal li qed ibati biex jieħu n-nifs hekk kif il-muskoli tal-pulmun tiegħu m’għadhomx f’saħħithom. Bjorn qal li l-maskla tal-ossiġnu mhux biżżejjed u li jrid jiġi operat.

L-operazzjoni ġġorr magħha r-riskju li Bjorn jiġi paralizzat kompletament. Lanqas ikun jista’ jċaċlaq għajnejh. “Nispiċċa msakkar ġo ġismi. Dik l-eventwalità hija tal-biża’” saħaq Bjorn. Żied jgħid li se jistenna l-eżitu tal-operazzjoni u jgħix ġurnata b’ġurnata.

Skont Xarabank, jekk jgħamel l-operazzjoni, Bjorn ma jkunx jista’ jitkellem aktar. L-operazzjoni se ssir fit-3 ta’ Settembru.

Dar Bjorn akbar

L-għaqda ALS Malta se tkun qed torganizza kunċert kbir f’Settembru biex tiġbor donazzjonijiet.

Fi stqarrija, ALS Malta qalet li se tkun qed tissieħeb ma’ Versatile Brass u artisti oħra lokali biex itella’ dan il-kunċert fl-1 ta’ Settembru fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta. Il-flus li se jinġabru se jgħinu biex tinbena Dar Bjorn akbar.