Bjorn b’appell biex ir-residenti ta’ Dar Bjorn jingħataw il-vaċċin issa

Aġġornat 06:15 PM
Ritratt: Facebook/BjornFormosa

Read in English.

Bjorn Formosa, il-fundatur ta’ Dar Bjorn li tospita lil nies bil-marda ALS, għamel appell sabiex ir-residenti ta’ din id-dar ikunu kkunsidrati biex jingħataw il-vaċċin issa.

Formosa, li hu wkoll ibati mill-marda tal-ALS, xerred artiklu fuq Facebook li jittratta s-suġġett tal-vaċċin, u appell tad-djar tal-anzjani biex il-vaċċin jingħata lir-residenti tagħhom aktar malajr, u żied miegħu li fil-fehma tiegħu, anke r-residenti ta’ Dar Bjorn għandhom jingħataw il-vaċċin mill-aktar fis.

Huwa spjega li hu jista’ jitħalla għall-aħħar, imma ġo din id-dar hemm 13-il persuna li hu jqishom fost l-aktar nies vulnerabbli f’Malta, peress li ħafna minnhom ibatu biex jieħdu nifs. Issuġġerixxa li każijiet bħal dawn jiġu kkunsidrati biex jingħataw il-vaċċin ma’ residenti fi djar oħra li qegħdin jitlaqqmu bħalissa.

As far as I am concerned, I can be left for last to be vaccinated but at DAR Bjorn we have 13 of the most vulnerable…

Posted by Bjorn Formosa on Thursday, January 14, 2021

Il-PN b’dubji fuq it-trasparenza tal-programm tal-vaċċinazzjoni

Intant, il-Partit Nazzjonalista lmenta li l-vaċċin qed jingħata wisq bil-mod, u appella lill-Gvern biex ikun aktar trasparenti fuq l-għoti tal-vaċċin.

Fi stqarrija maħruġa mit-tim ta’ azzjoni tal-PN kontra l-coronavirus, ingħad li, “Filwaqt li l-pajjiżi kollha madwar id-dinja qed jiddikjaraw min hi dik il-persuna responsabbli mill-vaċċinazzjoni, il-Gvern Malti qed izomm dan l-isem mistur. Mhuwiex ċar jekk il-kordinazzjoni tal-vaċċin hux qed issir mill-Isptar Mater Dei, mid-Dipartiment tas-Saħħa jew mill-Ministeru għas-Saħħa. Hemm ukoll nuqqas ta’ trasparenza fuq kemm hu n-numru tal-vaċċin li wasal s’issa, kemm ingħata, lil min ingħata u fuq liema kriterju.”

L-RDM tappella biex il-membri tagħha jingħataw prijorità

L-alleanza nazzjonali għas-sapport lill-pazjenti li għandhom mard rari (RDM) fi stqarrija qalet li kitbet lill-Ministeru tas-Saħħa biex dawn il-pazjenti jingħataw prijorità għat-tilqima kontra l-Covid-19.

L-alleanza spjegat li ħafna mill-membri tagħha ilhom magħluqin id-dar mill-bidu tal-pandemija u dawn wassal biex ikunu iżolati u jkunu aktar vulnerabbli. Huma qed jipprovdu għajnuna psikoloġika lill-membri tagħha mingħajr ħlas.

Il-Forum Marittimu Malti jgħid li l-fronliners fis-settur marittimu jinsabu f’riskju

Il-Forum Marittimu Malti qegħdin jappellaw li l-ħaddiema li huma frontliners fis-settur marittimu jingħataw prijorità biex jieħdu t-tilqima tal-Covid-19. Huma qalu li dawn il-ħaddiema jinsabu f’riskju minħabba li għandhom kuntatt dirett ma’ persuni oħra fl-istess industrija.

Żiedu li t-talba tagħhom biex dawn il-ħaddiema jingħataw prjorità hija importanti minħabba li jekk dawn il-persuni jkollhom jieqfu, se jitwaqqfu servizzi essenzjali għall-gżejjer Maltin.

Taqbel li r-residenti ta’ Dar Bjorn jingħataw il-vaċċin issa?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt