Biża’ ta’ kruċjata mill-ġiħadisti wara li nqatlu numru ta’ nsara

Raħħala nomadi Iżlamiċi qed jippreparaw biex iniedu “kruċjata ġiħadista” li fiha joqtlu ħafna Nsara wara li ftit jiem ilu qatlu żewġ missirijiet żgħażagħ Kattoliċi. Dan il-biża’ esprimih mexxej tal-Knisja Kattolika li jmexxi komunità ta’ Nsara fit-Tramuntana tan-Niġerja.
Yohanna Stephen, missier ta’ tlitt itfal u Dakare Martins, missier ta’ tifel ieħor, inqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar fil-villaġġ ta’ Asso, minn militanti tal-Fulan.
Il-qtil taż-żewġ missirijiet ta’ ftit aktar minn 20 sena, seħħ fil- 5 ta’ April, ġimgħa wara l-qtil ta’ erba’ rġiel u żewġ nisa oħra f’parti oħra tal-pajjiż, liema qtil ukoll sar minn estremisti tal-Fulan.
Il-Kappillan ta’ Asso, Fr. Alexander Yeyock, qal li l-implikazzjoni ta’ dawn l-attakki hi li nistennew qtil tal-massa tal-Insara fir-reġjuni tat-tramuntana tal-pajjiż.
Sostna li l-estremisti Nigerjani jridu joħolqu Stat Iżlamiku u jdaħħlu l-liġi tas-Xarija. L-iskop ta’ dawn l-attakki hu l-ewwel biex il-komunità tal-Insara jsiru Musulmani u jibdew kruċjata ġiħadista b’mod sottili. It-tieni raġuni hi biex ir-raħħala Fulani jaħtfu l-art biex jużawha għall-merħliet tagħhom.
Il-qassis qal li r-residenti ta’ Asso huma mħassba aktar dwar is-sigurtà tagħhom wara li kienu qed jiddefendu l-komunità Nisranija ġew arrestati wara li sparaw fuq il-militanti u flokhom marru truppi ġodda li numru minnhom aktarx huma militanti tal-Fulan.
“L-abitanti Nsara ta’ din il-komunità qed jibżgħu jmorru fl-għelieqi tagħhom avolja l-biedja hi x-xogħol ewlieni tagħhom. Malli jaslu s-6 ta’ fil-għaxija kulħadd jibda jibża’ minn dak li jista’ jiġrilhom”, qal il-Kappillan.
Il-Gvernatur tal-istat ta’ Benue, f’diskors li għamel waqt il-funeral taż-żewġ missirijiet maqtula, iddeskriva kif l-estremisti tal-Fulan fil-bidu ta’ din is-sena wettqu attakk bix-ximitarri u qatlu 72 bidwi Nisrani.  Ġimgħa wara dak l-attakk, 55 persuna oħra nqatlu mill-istess grupp ta’ estremisti fid-distrett ta’ Lau.
Il-Kappillan akkuża lill-gvern lokali li qed iħeġġeġ altar attakki billi ma jiħux passi kontra dawk li jwettquhom.
L-Arċisqof Matthew Man-Oso Ndagoso qal li l-militanti Fulani issa għandhom armamenti moderni u saru radikali u li huma appoġġjati minn forzi terroristiċi bħalma huma l-Al-Qaeda u l-ISIS.