Biża’ mal-Ewropa dwar il-pontijiet wara t-tiġrif tal-pont f’Ġenova

YouTube

It-tiġrif tal-pont Morandi f’Ġenoa qanqal biżà mal-Ewropa kollha dwar l-infrastruttura ta’ pontijiet f’diversi pajjiżi fosthom fil-Bulgarija, f’Malta, fil-Ġermanja u fi Franza.

Fil-Bulgarija hemm mal-211 pont fil-ħsieb li jkunu ristrutturati speċjalment dawk li nbnew sa 40 sena ilu. Il-Gvern Bulgaru qal li l-gvern lest li jwettaq ix-xogħlijiet meħtieġa anke jekk ikolli jissellef biex iwettaq dan.

Fi Franza, il-Gvern Franċiż huwa responsabbli minn 12.000 pont u terz minn dawn jeħtieġ tiswijiet. Minn dawn tal-aħħar, 840 jeħtieġ li jingħalaq kompletament għat-traffiku sakemm issir il-manutenzjoni meħtieġa.

Fil-Ġermanja hemm 39.500 pont u wieħed minn kull tlieta minn dawn jeħtieġ li ssirlu manutenzjoni ta’ malajr.

Fl-Iżvizzera l-Gvern Żvizzeru jinvesti mal-400 miljun Frank għal manutenzjoni tal-pontijiet u b’hekk jiżgura li dawn jinżammu f’kundizzjoni xierqa. Minbarra dan, kull pont ikun eżaminat bir-reqqa darba kull ħames snin.

Fi Spanja hemm mal-22.500 pont li kollha kienu spezzjonati fl-aħħar ħames snin. Iżda esperti fil-midja ilmentaw li dan il-proċess mhux trasparenti.

Newsbook.com.mt bagħat xi mistoqsijiet lill-Ministeru tat-Trasport u lil Transport Malta dwar l-istat tal-pontijiet f’Malta.

Fil-vidjow ta’ hawn taħt jidher l-istat li kien jinsab fih il-pont ta’ Ġenova qabel ma’ ġġarraf.