Biża’ li s-sitwazzjoni kurrenti se toħloq instabbilità għan-negozji – GRTU

Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji (GRTU) qalet li bħalissa hemm biża’ qalb is-sidien tan-negozji Maltin hekk kif jemmnu li s-sitwazzjoni kurrenti se tkun qed toħloq instabbilità fid-dinja tan-negozju u l-kundizzjonijiet ekonomiċi.

Dan ħareġ fi stqarrija wara l-aħħar riżenji ta’ persuni politiċi mill-Gvern u l-informazzjoni li qed toħroġ fil-pubbliku rigward l-investigazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-GRTU sostniet li hi kburija ħafna bir-reputazzjoni li l-pajjiż irnexxielu jibni matul is-snin, iżda dak kollu li qed jiġri bħalissa qed iwassal sabiex din ir-reputazzjoni tiġi sfidata.

Il-Kamra sostniet li aktar kmieni din is-sena kienet wissiet li l-membri tagħha kienu qed iħossu pressjoni kbira kawża tad-dannu lir-reputazzjoni tal-pajjiż. Qalet li l-avvenimenti riċenti se jkompli jiggravaw is-sitwazzjoni. Sostniet li l-mod kif qed iħarsu lejn Malta in-negozjanti internazzjonali mhux qed tagħmel ġustizzja lill-poplu Malti u n-negozju tal-pajjiż.

Sostniet li l-prezz tal-korruzzjoni u allegazzjonijiet serji bħal dawn qed jitħallas min-nazzjon kollu. Dan jinkludi lil dawk is-sidien tan-negozji li dejjem ħadmu b’mod ġust u leġittimu u li issa qed isofru r-riperkussjonijiet ta’ dawk li ħadmu b’mod qarrieq.

Il-GRTU talbet sabiex tintrefa’ responsabbilità politika akbar. Qalet li hemm bżonn soluzzjonijiet immedjati. Sostniet li l-prokrastinazzjoni se twassal għal aktar ħsara lill-pajjiż.