Biża’ li n-numru ta’ mwiet fl-Italja huwa ikbar minn dak dikjarat

REUTERS/Flavio Lo Scalzo/

Read in English.

“Missieri tħalla jmut waħdu, id-dar, mingħajr għajnuna. Ħallewna waħedna. Ħadd ma ħaqqu jmut hekk.”

Silvia Bertuletti damet 11-il jum iddisprata, iċċempel biex tipprova tikkonvinċi lil tabib ħalli jiġi jara lil missierha Alessandro ta’ 78 sena, li kellu deni għoli ħafna u kien qed ibati biex jieħu n-nifs. Fl-aħħar irnexxielha ssib tabib li żar id-dar tagħha f’Bergamo, l-epiċentru tal-imxija tal-coronavirus fl-Italja ta’ Fuq, filgħaxija nhar it-18 ta’ Marzu, iżda kien tard wisq.

Alessandro Bertuletti ġie ddikjarat mejjet fis-1:10 ta’ filgħodu nhar id-19 ta’ Marzu, 10 minuti qabel il-wasla ta’ ambulanza li kienet issejħet fuq il-post sigħat qabel. L-unika medikazzjoni li ngħata, minn fuq it-telefon, kienet mediċina ħafifa kontra l-uġigħ, u antibijotiku ġenerali.

Intervisti ma’ familji, tobba u infermiera fir-reġjun milqut tal-Lombardija fl-Italja jindikaw li l-esperjenza tagħha sfortunatament hija waħda komuni, u li ħafna nies qed jitħallew imutu fi djarhom hekk kif is-sintomi ma jiġux segwiti, u l-għajnuna bit-telefon mhux dejjem tkun biżżejjed.

Iċ-ċifra uffiċjali ta’ mwiet fl-Italja laħqet il-15,887 nhar il-Ħadd, kważi terz tal-ammont globali totali, imma hemm ukoll evidenza li din mhix riflessjoni reali tal-ammont totali minħabba li tant persuni qed imutu fi djarhom.

Studju minn L’Eco di Bergamo, gazzetta lokali, flimkien mal-konsulent tar-riċerka InTwig, bl-użu ta’ data pprovduta minn muniċipalitajiet lokali, jqis li madwar 5,400 persuna mietu fil-provinċja ta’ Bergami matul ix-xahar ta’ Marzu, li jfisser sitt darbiet aktar ir-rata tas-sena l-oħra. 

Minn dawn, l-istudju jikkonkludi li madwar 4,500 minn dawn mietu minħabba l-coronavirus – ċifra li hija aktar mid-doppju tar-rata uffiċjali. Dan l-istudju jikkunsidra wkoll 600 persuna li mietu fi djar ta’ kura, kif ukoll evidenza mogħtija minn tobba.

L-ATS ma tatx kumment dwar is-sejbiet tal-istudju.

Pietro Zucchelli, direttur tal-kumpanija tas-servizzi funebri Zucchelli li taħdem f’diversi villaġġi madwar Seriana Valley f’Bergamo, qal li matul dawn l-aħħar ġimgħatejn aktar minn 50 fil-mija tax-xogħol tiegħu kien li jiġbor katavri minn djarhom. Qabel dan, il-parti l-kbira tal-imwiet kienu fi sptarijiet jew fi djar ta’ kura.

“Għandna ċittadini li huma morda d-dar u jħossuhom abbandunati, nista’ nagħti mijiet ta’ eżempji,” kitbet Giovanna Gargioni, is-sindku ta’ Borghetto Lodigiano, nhar is-27 ta’ Marzu f’itttra li bagħtet lill-awtoritajiet reġjonali tas-saħħa f’isem grupp tas-sindki tal-lokal. 

Anke f’Milan, il-belt ewlenija tal-Lombardija u l-kapitali finanzjarja tal-Italja, it-tobba qalu li wegħdiet minn awtoritajiet reġjonali li se jipprovdu apparat protettiv bħal maskli għall-wiċċ u ttestjar għall-persunal mediku għadhom ma seħħewx f’ċerti postijiet. 

“Qed naħdmu mingħajr protezzjoni, u ħadd mhu qed jagħmlilna t-testijiet,” qal Roberto Scarano, kirurgu u tabib tal-familja fil-belt. “Intant, il-virus qed jinfirex fid-djar tan-nies, familji sħaħ qed jiġu infettati, u ħadd mhu qed jieħu ħsiebhom.”

L-ambulanzi, li qabel kienu jaslu fi żmien ftit minuti minn sejħa għal servizzi ta’ emerġenza, issa jieħdu sigħat biex jaslu. Iċ-ċilindri tal-ossiġnu tant huma skarsi li l-infermiera jfittxu jiġbruhom lura minn familji ta’ pazjenti li jkunu għadhom kif mietu.

“Aħna mdorrijin naraw il-pazjenti jmutu, imma s-soltu dan ikun qisu vjaġġ lejn it-tmiem tal-ħajja,” qalet Maura Zucchelli, infermiera ma’ Itineris, kumpanija privata li toffri assistenza medika fid-djar fiż-żona ta’ Bergamo. “Issa żżur lill-pazjent f’daru u dan imut fi żmien 48-72 siegħa. Qed inkunu eżawsti. Qisna qegħdin fil-gwerra.”