Biża’ li Londra tispiċċa belt kollha torrijiet fantażma

Hekk kif dawk li jfittxu li jixtru l-ewwel dar tagħhom f’Londra qed isibuha iktar u iktar diffiċli, iktar minn nofs tal-1,900 appartament ultra lussuż mibnija f’torrijiet għadhom ma nbigħux. Dan ikompli jżid il-biża’ li Londra se tibqa’ b’numru ta’ torrijiet lussużi fantażma.
Dawn l-appartamenti, li huma kompluti bil-gyms privati, pixxina kif ukoll kmamar taċ-ċinema, baqgħu vojta.
Huma qatt ma jiġu rriklamati għal inqas minn £1 miljun, u dan l-aħħar laħqu rekord ġdid ta’ 3,000 apartament mhux mibjugħa hekk kif is-sinjuruni barranin li għalihom huma mmirati dawn l-appartamenti qed ikunu kawti fl-investiment tagħhom minħabba l-inċertezza tal-Brexit u minħabba ż-żieda fit-taxxa fuq it-tieni dar.
Il-ħaddiema bdew xogħol is-sena l-oħra fuq dawn il-1,900 appartament li qed jinbiegħu għal aktar minn £1,500 għal kull pied kwadru, u s’issa nbiegħu biss 900 skond Molior London, li huma esperti fuq dejta dwar il-propjetà.
Appartament bi tlitt ikmamar tas-sodda, madwar 2,000 pied kwadru, jinbiegħ għal xi £3 miljun.
Hemm madwar 14,000 appartament ieħor li għadhom mhux mibjugħa fis-suq, u li l-prezz ta’ kull pied kwadru jvarja minn £1,000 għal £1,500.
Il-prezz medju ta’ pied kwadru huwa ta’ £211 fir-Renju Unit.
Skont Molior hemm bżonn minn tal-inqas 3 snin biex jinbiegħu dawn l-appartamenti ultra lussużi jekk il-bejgħ jibqa’ l-istess u ma jkunx hemm iktar bini ġdid.
Iżda numru ta’ żviluppaturi għandhom fil-pjanijiet tagħhom li jibnu 420 torri residenzjali ieħor, li kull wieħed għandu minn tal-inqas 20 sular, skont New London Architecture u GL Hearn.