Biża li l-Covid-19 teqred il-progress li sar biex jieqfu l-imwiet bla bżonn tat-tfal – UNICEF

Read in English.

Diversi pajjiżi madwar id-dinja qed jiffaċċjaw problemi fis-servizzi tas-saħħa għat-tfal u għall-ommijiet tqal, u hemm sens ġenerali ta’ inċertezza meta wieħed jiġi biex juża s-servizzi tas-saħħa minħabba l-biża’ mill-COVID-19. Dan għax il-pandemija kkawżat xkiel kbir f’dawn is-servizzi, tant li qed thedded li tħassar snin ta’ ħidma f’dan is-settur fejn sar progress kbir.

Fl-2019, l-għadd ta’ mwiet globali fost it-tfal taħt il-ħames snin kien niżel għall-anqas livell irreġistrat – minn 12.5 miljun fl-1990 dan niżel għal 5.2 miljun. 

“Il-komunità globali mxiet passi kbar ‘il quddiem fil-ħidma biex jiġu eliminati l-imwiet bla bżonn fost it-tfal. Ma nistgħux nippermettu li l-pandemija tal-COVID-19 ixxekkel il-ħidma tagħna,” qalet Henrietta Fore, Direttur Eżekuttiv tal-UNICEF. 

“Meta t-tfal ma jingħatawx aċċess għas-servizzi tas-saħħa minħabba li s-sistema tkun mgħobbija ż-żejjed, u meta n-nisa jibżgħu li jwelldu fi sptar minħabba xi infezzjoni, dawn ukoll jistgħu jkunu vittmi tal-COVID-19. Mingħajr investiment urġenti biex nerġgħu nibdew is-sistemi u s-servizzi tas-saħħa li twaqqfu, miljuni ta’ tfal taħt il-ħames snin, speċjalment trabi tat-twelid, jistgħu jitilfu ħajjithom.”

Matul dawn l-aħħar 30 sena, is-servizzi tas-saħħa għall-prevenzjoni jew it-trattament ta’ kawżi ta’ mwiet fit-tfal, bħal trabi li jitwieldu qabel iż-żmien, piż tat-twelid baxx, komplikazzjonijiet matul it-tqala u t-twelid, sepsis matul it-twelid, polmonite, diarrhea u malarja, kif ukoll il-programmi tal-vaċċinazzjoni, kellhom rwol importanti biex isalvaw miljuni ta’ ħajjiet.

“Il-pandemija tal-COVID-19 ipperikolat b’mod serju snin twal ta’ progress globali biex jintemmu l-imwiet bla bżonn fost it-tfal,” qal Muhammad Ali Pate, Direttur Globali għas-Saħħa, l-Ikel u l-Popolazzjoni mal-World Bank. “Huwa essenzjali li nipproteġu servizzi li jħarsu l-ħajja, li kienu element kruċjali biex titnaqqas ir-rata ta’ mortalità fost it-tfal. Aħna se nkomplu naħdmu mal-gvernijiet u l-imsieħba biex insaħħu s-sistemi tal-kura tas-saħħa, biex niżguraw li l-ommijiet u t-tfal jirċievu s-servizzi li għandhom bżonn.”

“Ir-rapport il-ġdid juri l-progress kontinwu li qed isir madwar id-dinja biex titnaqqas ir-rata ta’ mortalità fost it-tfal,” qal John Wilmoth, Direttur tad-Diviżjoni tal-Popolazzjoni fid-Dipartiment tal-Ekonomija u l-Affarijiet Soċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda. “Filwaqt li r-rapport jevidenzja l-effetti negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq interventi li huma kritiċi għas-saħħa tat-tfal, dan jenfasizza wkoll l-importanza li nindirizzaw mill-ġdid l-inugwaljanzi kbar li hemm fil-prospetti ta’ għajxien u saħħa tajba fost it-tfal.”