“Bit-trasparenza biss nagħtu vuċi lill-vittmi” – Safeguarding Commission

Read in English.

Il-Kap tas-Safeguarding Commission tal-Knisja Andrew Azzopardi, qal lil‑uniku mod kif verament tista’ tgħin u tagħti vuċi lil vittmi ta’ abbuż hu billi tiffaċċja din il‑pjaga b’mod trasparenti.

Azzopardi kien qiegħed jippreżenta r-rapport annwali tas-Safeguarding Commission.

Fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Knisja mponiet restrizzjoni fuq 4 persuni fl‑2018, u restrizzjoni fuq persuna oħra fl‑2019. Il-każijiet ġew referuti lill‑awtoritajiet ċivili.

Dawn il‑każijiet, fejn l‑allegazzjoni ta’ abbuż sesswali ġiet sostanzjata, kienu jinvolvu saċerdoti djoċesani, saċerdoti reliġjużi u lajċi. Kien hemm 3 restrizzjonijiet oħra dwar abbuż fiżiku u emozzjonali, u ta’ prattika ħażina.

Azzopardi tenna s‑sejħa għat‑twaqqif ta’ awtorità ċentralizzata biex taqsam tagħrif dwar persuni li jistgħu jkunu ta’ riskju għat‑tfal u adulti vulnerabbli bejn l‑għaqdiet. Spjega li mill‑esperjenza tal‑Knisja matul dawn l‑aħħar snin.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt, Azzopardi spjega li l-politika tas-safeguarding trid tkun dokument ħaj li jirrifletti l-ħtiġijiet u l-iżviluppi tas-soċjetà. Dan ifisser li l-politika trid tkun riveduta kull ftit snin u l-aħjar prattiċi jindikaw li r-reviżjoni għandha ssir kull tlieta sa ħames snin.

Investigazzjonijiet fl-2018

Fl‑2018, il-Kummissjoni irċeviet 19‑il allegazzjoni ġdida li jinvolvu minuri u 10 li jinvolvu adulti vulnerabbli.

17-il allegazzjoni dwar il-minuri ġew konklużi, 6 ġew sostanzjati u 1 kien jitratta kwistjoni ta’ prattika ħażina. 4 kienu infondati, 2 ma kinux sostanzjati, 1 kien jinvolvi persuna li mhix impjegata tal‑Knisja, u 3 ġew referuti lil terzi persuni minħabba li ma kinux relatati ma’ safeguarding.

Dwar l-adulti vulnerabbli, 7 mill-10 ġew referuti għal terzi persuni peress li ma kinux kwistjoni ta’ safeguarding, 1 ma kienx sostanzjat, 1 kien infondat u l‑ieħor kien kwistjoni ta’ prattika ħażina.

Investigazzjonijiet fl-2019

Fl‑2019, daħlu 16‑il allegazzjoni li jinvolvu minuri u tmienja li jinvolvu adulti vulnerabbli.

Il‑Kummissjoni kkonkludiet 8 evalwazzjonijiet li jinvolvu minuri, fejn sabet li 2 minnhom kienu sostanzjati, 2 ma kinux sostanzjati u wieħed fejn il‑persuna ma kinitx impjegata tal‑Knisja. Ilment ieħor kien jinvolvi xi ħadd li kien miet u f’żewġ ilmenti oħra ma setgħetx tiġi identifikata l‑persuna minħabba nuqqas ta’ informazzjoni.

Il‑Kummissjoni kkonkludiet 3 evalwazzjonijiet li jinvolvu adulti vulnerabbli, fejn 2 minnhom ma ġewx sostanzjati u 1 kien infondat.

Ċertifikat mill-Università ta’ Malta

Azzopardi qal li fuq inizjattiva tas-Safeguarding Commission, f’Ottubru 2020 beda jiġi offrut ċertifikat ġdid fil‑Ħarsien tat‑Tfal u ż‑Żgħażagħ mill‑Università ta’ Malta.

Il‑kors tal‑Università qed jiġi offrut mill‑Fakultà tat‑Teoloġija u l‑Fakultà tal‑Benessri Soċjali b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni. L-għan huwa li jinbena kultura pożittiva ta’ ħarsien u għarfien fis‑soċjetà.

Tħarriġ lill-impjegati tal-Knisja

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kompliet tħarreġ l‑impjegati tal‑Knisja.

Matul l‑2018 u l‑2019 tħarrġu total ta’ 966 għalliem, katekist, reliġjuż, seminarist u voluntier. Bħala parti mill‑proċess mitlub bil‑Liġi għall‑għaqdiet li jaħdmu mal‑minuri, il‑Kummissjoni vverifikat li 4,451 persuna li jaħdmu fil‑Knisja jissodisfaw il‑kriterji mitluba biex jaħdmu mal‑minuri.

Reviżjoni tal-policy tal-Knisja dwar is-safeguarding

F’dawn l‑aħħar sentejn, il‑Kummissjoni wettqet reviżjoni tal‑policy tal‑Knisja dwar il-ħarsien.

Din tinsab fil‑proċess li tippubblikaha fil‑bidu tas‑sena d‑dieħla. Dan wara konsultazzjoni wiesgħa li saret mal‑vittmi, mal‑persuni li jużaw is‑servizzi ta’ diversi entitajiet tal‑Knisja, u ma’ aġenziji statutorji u stakeholders ewlenin: il‑Kummissarju għas‑Saħħa Mentali, id‑Direttorat għat‑Tfal, il‑Korp tal‑Pulizija, l‑Uffiċċju tal‑Kummissarju tat‑Tfal, u l‑Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali.