“Bit-tfal m’hemmx logħob” – Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku saħaq li t-tfal kollha għandhom id-dritt jitwieldu f’familja naturali, jiġifieri magħmula minn omm u missier. Żied jgħid li “bit-tfal m’hemmx logħob u lanqas esperimenti.”
Il-Papa Franġisku ltaqa’ mal-ħaddiema tal-Uffiċċju Kattoliku Internazzjonali għat-trobbija tat-tfal. Matul il-laqgħa, spjega li huwa “dritt tat-tfal li jitrabbew f’familja magħmula minn missier u omm, li kapaċi joħolqu ambjent ideali għall-iżvilupp u l-maturità.”
Fid-diskors tiegħu Franġisku saħaq li t-tfal “mhux ċavetta tal-laboratorji” u għaldaqstant mhux permess li jsiru esperimenti edukattivi bihom.
Għal darb’oħra din il-ġimgħa, il-Papa talab maħfra f’isem il-Knisja għall-abbużi li saru fuq tfal minn membri tal-Kleru. Żied jgħid li l-Knisja mhux se tagħmel passi lura iżda jeħtieġ tkun b’saħħitha u tieħu l-passi meħtieġa għax fi kliemu “bit-tfal m’hemmx logħob.”
Ftit tal-ħin qabel il-mexxej tal-Knisja ltaqa’ wkoll mal-Moviment favur il-ħajja. Waqt din il-laqgħa, il-Papa Franġisku, ikkwota l-Konċilju Vatikan it-Tieni u qal li “l-abort huwa delitt.” Wara li tkellem fuq it-trabi, il-Papa semma’ wkoll in-nanniet bħala l-parti l-oħra tal-ħajja u saħaq li anke l-ħajja tal-anzjani hija prezzjuża.
Il-Papa għalaq billi qal li kull “dritt ċivili huwa mibni fuq l-ewwel dritt fundamentali, dak favur il-ħajja.”