Aġġornata: Bit-tama li jara lil uliedu jikser il-kundizzjonijiet tal-Qorti

Nota Editorjali hawn taħt

Xufier tat-taxi nżamm arrestat wara li ġie akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest kif ukoll l-ordni ta’ protezzjoni biex jipprova jara lil uliedu wara li kien ilu ma jarahom iktar minn ħames snin.

Fil-Qorti l-Ispettur John Spiteri qal li r-raġel kiser l-ordni ta’ protezzjoni li kienet tgħid li l-missier ma jistax ikun iktar minn kilometru viċin id-dar tal-eks sieħba tiegħu.

Fi stqarrija li għamel ir-raġel qal li huwa wassal klijenta madwar għaxar bibien ’l isfel mid-dar tal-eks sieħba tiegħu f’Wied il-Għajn u baqa’ fil-madwar għal ftit minuti bit-tama li jara lil uliedu. Tnejn mit-tliet ulied kien ilu ma jarahom iktar minn ħames snin.

L-Ispettur spjega li fuq it-tfal ma kien hemmx ordni ta’ protezzjoni iżda l-aċċess għall-visti taħt superviżjoni ma ‘waħda mit-tfal waqaf wara li kien hemm inċident f’Marzu li għadda. Iż-żewġt itfal l-oħra rrifjutaw li jaraw lil missierhom.

L-avukati Franco Galea u Ilona Debono li qed jidhru għall-akkużat wieġbu li r-raġel mhux ħati madankollu ma talbux għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ordnat li jkun hemm divjett fuq l-ismijiet.

Nota Editorjali: Newsbook.com.mt jitlob apoloġija talli ma’ dan l-artiklu ttella’ ritratt ta’ taxi, bin-numru, li ma kellu xejn x’jaqsam mal-istess artiklu. Minkejja li dan kien żball ġenwin, nixtiequ niċċaraw li: 

  • Ir-ritratt tat-taxi li ġibna oriġinarjament mhux tax-xufier involut fil-każ, u għaldaqstant is-sid tat-taxi fir-ritratt oriġinali, m’għandu x’jaqsam xejn mal-każ.
  • Ir-ritratt tat-taxi kien fid-database ta’ Newsbook peress li kien intuża qabel għal raġunijiet kompletament differenti. 

Niskużaw ruħna mill-ġdid għall-kwalunkwe inkonvenjent li ħloqna lix-xufier tat-taxi li dehret fir-ritratt oriġinali.