Read in English.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li bis-sagrifiċċji tal-lum se nsalvaw il-ħajjiet. Huwa saħaq li għandha tkun id-dixxiplina tagħna nfusna li trid tmexxina biex nirrealizzaw il-gravità tas-sitwazzjoni.
Adrian Delia għamel dan il-messaġġ b’reazzjoni għall-ewwel żewġ imwiet kawża tal-COVID-19.
F’intervent permezz ta’ Skype fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittmi f’isem l-Oppożizzjoni filwaqt li appella għas-sapport tan-nazzjon bħala poplu wieħed maqgħud.
Huwa appella biex kulħadd jibqa’ d-dar u jsegwi dak li qed jingħad mill-awtoritajiet tas-saħħa. Huwa ssuġġerixxa li jsiru telefonati lil dawk waħedhom u l-għeżież tagħna.
Adrian Delia qal li ma tistax ma tkunx inkwetat meta qed tiġġieled il-mard. Huwa fakkar li kulħadd irid jifhem u jimxi ma’ deċiżjonijiet li tieħu s-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika il-Professur Charmaine Gauci speċjalment meta nafu li dan huwa virus qattiel.
Huwa stqarr ukoll li ħa jiġi żmien aħjar li noħorġu minn din il-battalja.