Birżebbuġa u l-Belt jiċċelebraw l-1950 sena mill-martirju ta’ San Pietru u San Pawl

Matul din il-ġimgħa, il-poplu ta’ Birżebbuġa u l-Pawlini Beltin se jkunu qed jiċċelebra l-1950 anniversarju mill-martirju tal-patruni tagħhom, l-Appostli San Pietru u San Pawl.
Għal dawn il-festi ċentinarji, nhar il-Ħamis li ġej, Solennità ta’ San Pietru u San Pawl, se jsiru żewġ purċissjonijiet, waħda f’Birżebbuġa bl-istatwa ta’ San Pietru u l-oħra fil-Belt bil-vara ta’ San Pawl.
F’Birżebbuġa l-purċissjoni se toħroġ fid-9:00am u se ssir bl-ewwel statwa titulari ta’ San Pietru li kellha din il-parroċċa. Dan minħabba li bħalissa l-istatwa titulari tinsab għar-restawr u se tkun lesta għall-festa parrokjali f’Awwissu li ġej. Dakinhar filgħaxija se tkun iċċelebrata quddiesa solenni tal-festa mmexxija mill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P.
Il-festi ċentinarji bdew bil-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù u komplew jumejn ilu meta l-poplu Birżebbuġi laqa’ r-relikwa ta’ San Pawl meqjuma fil-Knisja Proto-Parrokjali tar-Rabat.
Fost attivitajiet oħra, il-qofol tal-festa se jintlaħaq bit-Tridu li jintemm nhar il-Erbgħa, Lejlet is-Solennità.
Intant fil-Belt Valleta, il-purċissjoni se toħroġ fis-7:00pm u l-vara ta’ San Pawl se titniżżel fuq il-Monument tal-Qanpiena fejn issir ċelebrazzjoni li matulha ssir l-istqarrija tal-fidi. Dakinhar filgħodu, se jkun iċċelebrat pontifikal solenni mmexxi mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P.
Il-festi bdew jiem ilu meta biċċa mill-kolonna li fuqha San Pawl kien ingħata l-martirju, li tinsab meqjuma fil-Kolleġġjata tal-Belt Valletta, ittieħdet f’pellegrinaġġi fil-knejjes kollha tal-Belt Valletta. Din ir-relikwa, se tkun qed tinħareġ ukoll fil-purċissjoni ta’ nhar il-Ħamis.
Matul dawn il-jiem qed ikun iċċelebrat Tridu solenni bi preparazzjoni għall-festa ċentinarja u nhar l-Erbgħa filgħaxija se jsir marċ brijuż bl-istatwa ta’ San Pawl Nawfragu li tittella’ fuq il-pedestall quddiem il-Barrakka t’Isfel.