Birżebbuġa tinbidel fit-“tieni Venezja” wara r-riħ qawwi

Wara r-riħ qawwi li ħakem lil Malta llum, ix-xatt ta’ Birżebbuġa spiċċa f’dak li għadd ta’ persuni fuq il-midja soċjali sejħulu “it-tieni Venezja”.
Dan wara li l-mewġ qawwi baqa’ sejjer fuq it-triq, b’riżultat li t-toroq tal-madwar spiċċaw miksija bl-ilma baħar, tant li meta wieħed jara r-ritratti jaħseb li kien hemm xi maltempata kbira.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ wieħed mill-kunsilliera ta’ Birżebbuġa, Stanley Zammit, li spjega kif minkejja li dan hu fenomenu naturali, f’ċerti perjodi, speċjalment riċentament, ikun iktar spiss mis-soltu li l-livell tal-baħar jogħla.
Żied jgħid li l-Kunsill Lokali tant hu konxju minn din il-problema li meta madwar erba’ snin ilu l-Gvern kien qiegħed jibni mill-ġdid Triq Birżebbuġa, kien sar survey sabiex il-livelli tat-toroq jogħlew ftit ħalli din il-problema tonqos.
Filwaqt li qal li r-residenti, speċjalment dawk li jgħixu fil-viċinanzi u dawk li jgħaddu minn dawk l-inħawi, mhumiex kuntenti bis-sitwazzjoni, qal li l-ispiża involuta biex titranġa s-sitwazzjoni hi spiża kbira wisq għall-Kunsill waħdu.
Għalhekk, qal li l-Kunsill spiss wassal dan l-ilment lill-awtoritajiet u Ministri kkonċernati. Minkejja dan, ir-risposta li dejjem ingħata l-Kunsill mingħand il-Gvern hi li s-sitwazzjoni se tiġi studjata.
 
Ritratt: Maltese Road Traffic Updates