Birra u soft drinks ta’ Farsons issa jimtlew bir-robots

F’wieħed mill-aħħar investimenti tagħha, Simonds Farsons Cisk plc ikkommissjonat impjant tal-ogħla livell għall-mili tal-birra u s-soft drinks fit-tankijiet u linja ġdida ta’ 18.9 litri għall-mili tal-ilma. Iż-żewġ impjanti jużaw teknoloġija  robotika minflok il-makkinarju li kien ilu jintuża aktar minn 20 sena.
L-impjant il-ġdid għal tankijiet ta’ 30 litru, għandu l-kapaċità li jimla 85 tank fis-siegħa, il-faċilità li jneħħi l-kontenituri mill-pallets, u jinkludi apparat li jaħsel il-kontenituri minn ġewwa u minn barra, pasturizzatur tal-birra bl-aħħar teknoloġija għall-kontroll u r-reġistrazzjoni tad-dettalji, post għall-isterilizzar tal-għenuq tal-kontenituri, il-ġbir tat-tappijiet u l-għeluq tal-fliexken, l-istampar b’ink jet tal-kodiċi tal-konsenja, id-data sa meta l-aħjar jintuża l-prodott u l-faċilità li jiġbor kollox f’pallets.
Fil-linja għall-mili tal-ilma jistgħu jinħattu jew jinġabru 3 fliexken f’daqqa, u jimtlew 18.9 litri jew kontenituri iżgħar b’rata ta’ 300 fis-siegħa. Hemm ukoll magna għat-tneħħija tat-tappijiet, żewġ testers tal-pressa għall-kontenituri difettużi, apparat għall-ħasil tal-kontenituri minn ġewwa u minn barra, u sterilizzatur tat-tappijiet. Hemm ukoll impjant ġdid għall-isterilizzar tal-ilma mgħammar bl-aħħar teknoloġija għall-kontroll u r-reġistrazzjoni tad-dettalji tal-kwalità.
B’hekk, f’dawn iż-żewġ impjanti issa tneħħa l-irfigħ manwali tal-kontenituri tal-birra ta’ 42kg u tal-kontenituri tal-ilma ta’ 20kg. L-immaniġġjar tal-pallets fiż-żewġ impjanti qed isir ukoll b’mod awtomatiku.