Birkirkara jiksbu punt importanti u jżommu t-tamiet ħajjin fl-Europa League

Birkirkara żammew it-tamiet li jkomplu javvanzaw fil-UEFA Europa League hekk kif illejla kisbu dro importanti u ta' prestiġju kontra l-ġganti Skoċċiżi Hearts fil-grawnd tal-Hibernians f'Kordin.
L-ewwel leg mit-tieni rawnd ta' kwalifikazzjoni għall-Europa League spiċċa fi dro ta' 0-0, fejn Birkirkara dehru iżjed interessati li jevitaw milli jaqilgħu gowl iżjed milli jippruvaw jiskorjaw.
Konxji mill-fatt li kienu qed jilagħbu kontra avversarji ta' stoffa, il-Karkariżi għarfu jrażżnu l-qawwa ta' Hearts u fl-ewwel taqsima tista' tgħid li l-logħob kien maqsum bejn iż-żewġ timijiet.
Fit-tieni taqsima, l-Iskoċċiżi ppruvaw isibu l-gowl li seta' wittielhom it-triq għar-rawnd li jmiss, tant li kellhom diversi ċansijiet ta' skor u fl-aħħar kellu jkun il-gowler ta' Birkirkara, Miroslav Kopric li żamm it-tamiet ħajjin għall-ġimgħa d-dieħla meta Birkirkara jivjaġġaw lejn Edinburgh għat-tieni leg.

Ritratt: Domenic Aquilina