Birkirkara FC u l-Qorti b’kawża quddiem il-Qorti Ewropea

Eksgowlkiper ta’ Birkirkara FC li kien ġie arrestat akkużat ta’ rranġar ta’ logħob ta’ futbol fetaħ kawża quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem kontra t-tim tal-futbol u l-Qorti.
Miroslav Kopric kien ġie arrestat f’Diċembru li għadda wara li l-klabb ta’ Birkirkara FC irrapportah fuq suspett ta’ invovilment ta’ rranġar ta’ logħob. Minkejja li kien inżamm arrestat għal 48 siegħa huwa qatt ma ttella’ quddiem il-Qorti.
Fi stqarrija l-plejer stqarr li hu kien qal li m’għandu xejn x’jaħbi u qal lit-tmexxija tat-tim biex tieħu l-każ quddiem il-Pulizija. Spjega li huwa għadda l-laptop, hard disc  u żewġ mobile phones lill-Pulizija biex jinvestigawhom. Spjega li seba’ xhur wara għadu ma rċeviex l-affarijiet lura minħabba li l-espert tal-Qorti għadu ma temmx l-investigazzjonijiet tiegħu għax fi kliem il-plejer jinsab imħabbat.
Miroslav Kopric qal li hu ħarrek il-Qorti u t-tim ta’ Birkirkara għax irrovinawlu karriera tal-futbol u affettwaw il-ħajja ta’ familtu b’mod partikolari ta’ martu li kellha tqatta’ xahrejn l-isptar minħabba kumplikazzjonijiet fit-tqala. Tenna li minħabba dawn l-akkużi hu ma setax jagħmel xogħlu għax ħadd ma ried iżommu gowlkiper.
Huwa fetaħ kawża oħra kontra Birkirkar FC minħabba li baqa’ ma ngħatax il-paga.
Temm jgħid li hu ġie Malta biex jaħdem fil-futbol u jgħajjex il-familtu u tenna li hu qatt ma kien involut f’ebda illegalità.