Aġġornata: BirdLife u CABS jikkritikaw id-deċiżjoni tal-Gvern dwar il-ħinjiet tal-kaċċa

BirdLife Malta qalet li l-ħinijiet u dati mħabbra dwar il-ftugħ fl-Istaġun tal-kaċċa juru x’jiġri meta tħalli il-konservazzjoni tal-għasafar f’idejn il-kaċċaturi.

B’reazzjoni għad-dati mħabbra għall-Istaġun tal-kaċċa li jmiss, il-BirdLife iddeskriviet din id-deċiżjoni bħala liċenzja biex jinqatlu għasafar protetti.

Steve Micklewright, id-Direttur ta’ BirdLife Malta qal li l-għaqda bagħtet ittra lill-Prim Ministru, titlob biex isir intervent dirett mill-Gvern. Fl-ittra, BirdLife qed titlob biex kwistjonijiet ta’ konservazzjoni tal-għasafar jibdew isiru mill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u l-Klima.

Birdlife sostiniet li l-kerfju huwa kompletament inutli u seta’ ma sar xejn. Dan għaliex l-aktar mument kruċjali għall-konservazzjoni tal-għasafar huwa f’inżul ix-xemx u mhux wara.

Intant fi stqarrija separata, il-CABS ikkritikat il-kerfju stipulat mill-Gvern, u saħqet li din id-deċiżjoni hija sentenza ta’ mewt għall-għasafar protetti. 

Il-Federazzjoni tal-Kaċċaturi u Nassaba, l-FKNK qalet li se tkun qed turi s-sapport tagħha lil Gvern fil-proċess biex eventwalment jiġi eliminate il-kerfju. 

Stqarrija mill-Gvern

Is-Segretarjat għall-Agrikoltura Sajd u drittijiet tal-Annimali fi stqarrija qal li l-istaġun qatt ma ġie kkontestat. Saħaq li d-dettalji tal-istaġun, inkluż il-ħinijiet li tħabbru, huma konformi mar-regolamenti Ewropej filwaqt li tenna kif dan il-fatt ma ġie kkontestat minn ħadd.

L-istqarrija tgħid li l-Gvern huwa konsistenti fil-politika tiegħu li kaċċaturi Maltin għandhom jiġu trattati bħal kaċċaturi f' pajjiżi oħra Ewropej, filwaqt li se jsir infurzar strett tar-regolamenti fejn dak li jkun jista' mhux biss jeħel multi iżda wkoll jitlef għal kollox il-liċenzja tiegħu.