BirdLife tniedi l-kampanja #onthemove

Read in English.

BirdLife Malta nediet kampanja ġdida bl-għan li xxerred għarfien dwar il-passa tal-għasafar u li tħeġġeġ aktar nies igawdu, jieħdu ħsieb u jinvolvu ruħhom fil-ħarsien tal-għasafar li jpassu minn fuq Malta.

Fi stqarrija BirdLife Malta qalet li l-passa tal-għasafar hija fenomenu li għal eluf ta’ snin serva bħala sors ta’ ispirazzjoni u kurżità. Bħala gżira bejn żewġ kontinenti, Malta hija kruċjali għax isservi bħala post fejn l-għasafar jieqfu jistrieħu sabiex jerġgħu jieħdu saħħithom biex ikunu jistgħu jkomplu bil-vjaġġ tagħhom li jeħodhom fuq distanzi twal.

Sabiex dan l-ispettaklu naturali jitgawda bl-aħjar mod, BirdLife Malta nediet il-kampanja #onthemove li matulha se jkunu qed jaqsmu mal-pubbliku dettalji affaxxinanti dwar il-passa tal-għasafar, u se jkunu qed jintroduċu wkoll uħud mill-viżitaturi speċjali li wieħed jista’ josserva tul il-passa talħarifa.

Il-kampanja #onthemove se tkun qed tiżvolġi fuq il-midja soċjali fost mezzi oħra tal-komunikazzjoni, bl-iskop li jaqsmu informazzjoni dwar kif kulħadd jista’ jgawdi l-passa tal-għasafar f’Malta. BirdLife Malta qed tħeġġeġ ukoll lin-nies biex jaqsmu magħħa dettalji dwar l-għasafar li josservaw permezz ta’ formola online li nħolqot apposta għal din il-kampanja u li tinsab hawnhekk.

Element ieħor prinċipali tal-kampanja hija l-opportunità li qed jipprovdu lil residenti f’Malta li jixtiequ jingħaqdu ma’ BirdLife Malta bħala voluntieri biex jassistu lil BirdLife Malta fil-ħidma ta’ sorveljanza biex ikun żgurat li l-għasafar tal-passa jgħaddu minn fuq il-Gżejjer Maltin mingħajr periklu fi triqithom lejn il-postijiet fejn se jqattgħu x-xitwa.

Kulħadd huwa mħeġġeġ biex isegwi l-kampanja #onthemove fuq is-sit elettroniku ta’ BirdLife Malta u l-mezzi tal-midja soċjali sabiex igawdi bl-aħjar mod l-ispettaklu naturali tal-passa ħalli niżguraw li nagħmlu minn Malta post li jipprovdi kenn lill-għasafar kollha li jinħtieġu l-protezzjoni tagħna waqt il-vjaġġi perikolużi tagħhom.