BirdLife tniedi kampanja kontra l-insib; “NGOs kontra l-insib qed jimmanipulaw il-fatti” – FKNK

L-organizzazzjoni mhux governattiva BirdLife Malta nediet il-kampanja #StopTrappingNow, bl-għan li tqajjem kuxjenza fost il-pubbliku dwar il-ħsara li l-insib tal-isponsuni qed jagħmel lill-għasafar, il-bejtiet tagħhom u l-ambjent Malti.
BirdLife qalet fi stqarrija li din il-kampanja tnediet fi żmien kruċjali għall-pajjiż, hekk kif is-sentenza tal-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja dwar id-deċiżjoni li jerġa’ jsir l-insib matul l-istaġun tas-sena li għaddiet mistennija toħroġ fil-jiem li ġejjin.
Kien Newsbook.com.mt li żvela kif il-Kummissjoni Ewropea kien bdiet proċeduri legali kontra Malta wara li l-Gvern kien iddeċieda li jiftaħ l-istaġun tal-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana.
BirdLife spjegat li meta tagħti s-sentenza tagħha l-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja, il-Gvern Malti jidħol fl-obbligu li jaċċetta l-konklużjonijiet tagħha. Minkejja li ma jistax jikkontesta d-deċiżjoni li tittieħed, hija f’idejn il-Gvern biex jagħżel jekk jikkonformax magħha jew le.
 “Għaqdiet kontra l-insib qed jimmanipulaw il-fatti biex ibeżżgħu lin-nies” – FKNK
Il-President tal-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba, u Konservazzjonisti (FKNK) John Perici Calascione ilmenta li għaqdiet kontra l-kaċċa u l-insib mhuma jagħmlu xejn ħlief jimmanipulaw il-fatti biex ibeżżgħu lil min mhuwiex midħla ta’ dawn id-delizzji.
Waqt konferenza stampa, Perici Calascione qal li jagħraf li l-insib tal-għasafar tal-għana, b’mod partikolari, għandu jkun sostenibbli u li n-nassaba huma fid-dmir li ma jagħmlu l-ebda ħsara lill-ambjent jew lill-għasafar, billi jonsbu b’tali mod li ma jnaqqsux il-mortalità globali tal-ispeċi.
Madankollu, Perici Calascione kkritika lill-għaqdiet li ħolqu kampanji bl-għan li fi kliemu, “jpinġu l-insib bħala xi prattika li teqred l-ambjent u l-ispeċi li qed nonsbu għalihom”.
Spjega li l-istess għaqdiet qed ixerrdu informazzjoni falza, ladarba n-nassaba mhux biss qed jonsbu skont il-liġi u mhumiex jagħmlu ħsara lill-għasafar, iżda qed japplikaw deroga biex ikun permess l-insib tradizzjonali tal-għasafar tal-għana, li skontu hija iktar restrittiva minn dik imressqa fid-Direttivi Ewropej.
Perici Calascione fakkar ukoll li l-kaċċa teżisti f’diversi pajjiżi madwar l-Ewropa, li lkoll huma fid-dmir li jipproteġu din it-tradizzjoni bħala parti mill-wirt kulturali tagħhom, tant li anke l-UNESCO għarfet l-insib tal-għasafar fl-Awstrija bħala Wirt Kulturali Mhux Tanġibbli.  
Il-President tal-FKNK temm jgħid li ma tista’ tiġi proposta l-ebda alternattiva li tieħu post il-kaċċa u l-insib, għax dawn huma tradizzjonijiet Maltin li għandhom jiġu mħarsa u mgħoddija lil ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu, bl-istess mod li jridu jitħarsu l-ambjent Malti u l-biodiversità.