BirdLife titlob lill-Kummissjoni Ewropea taġixxi kontra Malta

BordLife Partnership qed titlob lill-Kummissjoni Ewropea biex taġixxi malajr kontra Malta wara l-ftuħ tal-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea fl-2018.

Fi stqarrija BirdLife Malta qalet li 24 sieħeb mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea approvaw ittra iffirmata mill-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife International Patricia Zurita, mill-Kap tal-Politika ta’ BirdLife Europe Ariel Brunner u mill-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana. Din l-ittra ntbagħtet lill-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, Virginijus Sinkevičius.

F’din l-ittra BirdLife qed titlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu passi kontra Malta dwar id-deroga għall-insib tal-għasafar tal-għana li qed joħloq preċendent ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea li ma jkunux ipennalizzati jekk jippermettu l-qtil ta’ għasafar selvaġġi bl-iskuża li qed isir dan minħabba riċerka xjentifika. BirdLife ħeġġet lill-Kummissjoni biex tintervjeni dwar din is-sitwazzjoni f’Malta sabiex tkun imħarsa s-Saltna tad-Dritt għall-protezzjoni tal-għasafar fil-Gżejjer Maltin.

Huma spjegaw li l-ftuħ tal-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana mill-Gvern mhux biss qed jikser deċiżjoni tal-Qorti Ewropea iżda wkoll it-Trattat ta’ Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Żiedu li Malta qed tipprova ma tiġix ippenalizzata billi applikat deroga oħra li dan l-insib qiegħed isir għal raġuni xjentifika. Huma komplew jispjegaw li l-Gvern Malti ħalla li jinqabdu għasafar mingħajr l-ebda kwota sakemm dawn jiġu meħlusa kollha. BirdLife qalet li dan iħalli dubji serji kemm verament qiegħed isir hekk.

Il-Kap Eżekuttiv Mark Sultana qal li huwa ċar li l-istudju xjentifiku mhuwiex immirat li jgħin fil-koservazzjoni tal-għasafar protetti imma li qed isir sforz biex il-Gvern jiġġustifika d-deroga tal-għasafar tal-għana fil-futur. BirdLife spjegaw li d-deroga tal-insib għall-għasafar tal-għana qed tiġi applikata ma deroga oħra dik li tippermetti l-insib għall-Pluviera u l-Malvizz mill-istess nassaba.