BirdLife tirrapporta massakru ta’ ajkli bojod f’Għawdex

Birldife Malta
Katarzyna Pacon

Read in English.

Qatgħa ta’ 12-il ajkla bajda sfat fil-mira tal-kaċċaturi waqt li kienu qed ipassu fuq Għawdex, u BirdLife Malta tirraporta li għasfur wieħed biss ma’ ġiex maqtul.

L-ajkla bajda rari tintlemaħ f’Malta, imma qatgħa ta’ tnax ġiet irrapurtata Għawdex nhar il-Ħamis. Però intlaqaw bl-isparar, u għasfur wieħed biss – ferut – instab l-għada, minn żewġ turisti Taljani li kienu qed isuqu fil-kampanja bejn Marsalforn u Xagħra.

L-għasfur ġie mgħoddi lill-Birdlife, li għaddhietu lill-veterinarju tal-gvern.

L-għaqda ambjentali qalet li din kienet sena rekord għall-kaċċa illegali, b’167 għasfur maqtul jew ferut illegalment irkuprati mill-Birdlife jew mill-pulizija.

L-għasfur ġie rkuprat fl-istess jum li l-gvern għadda l-imsaġar tal-Miżieb u tal-Aħrax lill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti, deċiżjoni opposta bil-qawwa minn Birdlife.

L-għaqda ħeġġet in-nies jinġabru l-Miżieb nhar il-Ħadd fit-3pm biex jipprotestaw id-deċiżjoni.

L-FKNK toħroġ kundanna

Min-naħa tagħha, l-FKNK qalet li “kull rapport ta’ inċident li jinvolvi sparar b’riżultat ta’ qtil jew feriment ta’ xi tajra protetta qiegħed jitfa dell ikrah fuq il-passjoni tal-kaċċa legali u sostenibbli.”

Qalet li min spara fuq l-ajkli bojod hu bla mistħija u bla rispett lejn il-maġġoranza assoluta tal-kaċċaturi, u l-membri tal-FKNK għandhom id-dover li jagħtu l-informazzjoni kollha li jistgħu ikunu jafu dwar dan ir-reat.

Wegħdet li hi se tagħmel minn kollox biex jinqabad min hu responsabbli u jitressaq il-Qorti.