Birdlife: Tiri fuq 2 għasfar protetti, kaċċa illegali rampanti

BirdLife Malta qalet li fl-aħħar jiem tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, ġabret żewġ għasafar protetti milquta biċ-ċomb.
Dawn huma farruġ li nstab fix-Xagħra Għawdex u fras-servjent li nstab fil-bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta Mark Sultana qal li dan huwa r-riżultat tan-nuqqas ta' azzjoni mill-Gvern meta ġew rappurtati l-ewwel illegalitajiet fl-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
Qal li bil-biża' li jista’ jkun hemm għeluq bikri ta' l-istaġun dejjem qed tonqos u dan qed iwassal għal żieda fl-illegalitajiet.
Dawn is-sitwazzjonijiet, spjega Sultana, juru kemm il-problema ta’ kaċċa illegali f'Malta hija 'l bogħod milli tiġi solvuta.
Semma li dawn isiru iktar rampanti ladarba l-pressjoni tkun imdgħajfa.
Sostna li ż-żewġ speċi li nqabdu illegalment huma mogħtija l-aħjar protezzjoni taħt ir-regolamenti lokali ta’ l-għasafar selvaġġi, fejn persuna tista’ tiġi mmultata sa €5,000 jekk tinqabad tispara fuqhom.
Madankollu Birdlife Malta qalet li dawn il-multi jidher li mhu qed ikunu tal-ebda' xkiel għall-kaċċaturi, meta l-infurzar ma jkunx adekwat.