BirdLife tikteb lill-UE fuq il-“mossa ddisprata” tal-Gvern li jiftaħ l-istaġun tal-insib

Arkivji

BirdLife Malta kitbet lill-Kummissarju tal-UE Virginijus Sinkevičius dwar il-“mossa ddisprata u ta’ sfida” min-naħa tal-Prim Ministru Robert Abela f’isem il-Gvern biex jerġa’ jiftaħ l-istaġun tal-insib minkejja li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) ħadet passi kontra l-ftuħ tal-istaġuni tal-insib bejn l-2014 u l-2017 f’sentenza li ngħatat fil-21 ta’ Ġunju tal-2018.

Dan wara li nhar il-Ħadd li għadda, il-Gvern ħabbar id-dati tal-ftuħ tal-istaġuni tal-insib. Illum jiftaħ l-istaġun għall-insib tal-malvizz, il-Ħadd l-1 ta’ Novembru jiftaħ l-istaġun għall-insib tal-pluviera, filwaqt li l-perjodu ta’ riċerka fuq il-verdun, il-gardell, il-ġojjin, l-apparell, l-isponsun, l-ekru u taż-Żebbuġ jiftaħ illum ukoll.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “Dan hu attentat iddisprat biex il-Gvern ibaxxi rasu għal lobby żgħir voċiferu li qed jitħalla jonsob għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana taħt il-premessa ta’ proġett ta’ riċerka. Kulħadd jaf li l-maġġoranza assoluta tan-nassaba se jżommu l-għasafar li jaqbdu għax jafu li m’hemm l-ebda sorveljanza jew infurzar. L-istaġun tal-insib, taħt l-iskuża ta’ riċerka, mhu xejn ħlief daħka fil-wiċċ. Minbarra f’dan, hu fatt magħruf li n-numri ta’ għasafar ikkaċċjati jew minsuba li jiġu rrappurtati mill-kaċċaturi u n-nassaba Maltin matul is-snin hu ferm inqas min-numri maqbuda.”

Il-BirdLife qalet li dħalna f’era mudlama għall-ambjent f’Malta. L-NGO semmiet kif il-ġimgħa l-oħra 12-il ajkla bajda tniżżlu b’tiri tal-kaċċa, żewġ fjamingi nħatfu minn ġo riserva naturali, u l-Gvern iffirma ftehim mal-FKNK biex jgħaddilhom l-akbar żewġ imsaġar f’Malta, il-Miżieb u l-Aħrax.

L-għaqda BirdLife sostniet li hija determinata li tiġġieled dawn l-aħħar deċiżjonijiet fil-qorti u twiegħed li se tagħmel minn kollox biex teżawrixxi l-mezzi legali kollha possibbli kontra din id-deċiżjoni.