Birdlife tikkundanna lil Roderick Galdes dwar wirja tal-ibbalzmar tal-annimali

Birdlife Malta iddikjarat li tilfet kull fidi fis-Segretarjat Parlamentari ta’ Galdes wara li kkollabora ma’ tnejn min-nies li nstabu ħatja li kienu fil-pussess ta’ tajr protett, fosthom tajr tal-priża.
Spjegat li dawn it-tnejn min-nies flimkien mas-Segretarju Parlamentari Galdes qed jippruvaw jgħallmu li l-qtil tal-annimali għall-ibbalzmar għandu mhux biss jitfaħħar imma saħansitra jiġi ppremjat.
Il-Birdlife qalet li tinsab diżgustata li waqt din l-attività fil-Buskett kien hemm għall-wiri anke annimali protetti minn liġijiet internazzjonali, fosthom nejbiet tal-iljunfant u qrun tar-rinoċeront.
Fi kliem l-għaqda, “huwa ta’ mistħija li bniedem imqabbad biex jiddefendi d-drittijiet tal-annimali jispiċċa jippromwovi l-ibbalzmar tagħhom, attività mistmerra mad-dinja kollha.”
Birdlife Malta kompliet li din l-attività kienet moralment u etikament ħażina, u li jkollok lir-rappreżentant tal-Gvern għad-drittijiet tal-annimali jorganizza, jippromwovi u jattendi din l-attività hija ta’ mistħija.
Kompliet li din l-attività tista’ titqies illegali minħabba li saret f’riserva naturali fejn il-pussess ta’ għasafar huwa kontra l-liġi, din l-attività tmur ukoll kontra l-valuri ta’ mħabba lejn in-natura u l-ħarsien tagħha.
Temmet tgħid li fl-istess jum li l-Birdlife kellha attività għall-familji u l-iskejjel ġewwa Foresta 2000 fejn it-tfal tgħallmu jħawlu s-siġar u josservaw il-ġmiel tan-natura, is-Segretarju Parlamentari għall-Ħarsien tal-Annimali kien spalla ma’ spalla ma’ min qed jigglorifika l-gost tal-qtil tal-annimali.
Birdlife Malta appellat lill-Prim Ministru biex iżomm il-kelma li ta hu stess wara r-referendum, li se jmexxi gvern b’kuxjenza ambjentali ikbar.

L-attività fil-Buskett kellha l-għan edukattiv – is-Segretarjat Parlamentari għall-biedja, sajd u drittijiet tal-annimali
B’reazzjoni, is-Segretarjat Parlamentari għall-biedja, sajd u drittijiet tal-annimali qal li l-istqarrija tal-Birdlife fiha diversi ineżattezzi.
Ġie spjegat li l-attività fil-Buskett kellha l-għan edukattiv li tinforma lil pubbliku dwar il-falkunerija, il-klieb tal-kaċċa ta’ Malta u l-kaċċa, artiġjanat u wirjiet oħra. Il-wirja tal-ibbalzmar kienet biss parti waħda mill-attività, u l-għasafar kollha ġew ċertifikati bħala legali. 
Intqal li r-rinoċeronte u l-iljunfant imsemmija mill-Birdlife kienu tal-plastik u fibreglass u ntużaw bħala dekorazzjoni. 
Is-Segretarjat qal li l-unika għajnuna li ta kienu stands tal-injam u s-sehem tal-Wild Birds Regulation Unit bi stand edukattiva.
Temm billi qal li jappoġġja kull attività edukattiva inkluż inizjattivi tal-istess Birdlife li għandhom rwol edukattiv.
Ritratt: DOI-Jeremy Wonnacott