BirdLife se tipproponi siti ġodda għall-għasafar fl-ibħra Maltin

BirdLife Malta flimkien mal-imsieħba tagħha se tippreżenta inventarju ta’ siti importanti għall-għasafar fl-ibħra Maltin.
Bħala parti mill-proġett LIFE+, li hu ffinanzjat minn fondi Ewropej, is-siti se jkunu proposti biex jingħaqdu bħala parti min-network Ewropew ta’ siti Natura 2000.
‘Il fuq minn 50 parteċipant internazzjonali minn 17-il pajjiż fil-Mediterran ħa jiltaqgħu biex jiddiskutu l-ġejjieni tal-protezzjoni tat-tajr tal-baħar lil hinn minn konfini nazzjonali.
Il-LIFE+ Malta Seabird Project ilu għal dan l-aħħar erba’ snin jistudja mill-qrib tliet speċi ta’ tajr tal-baħar f’Malta ta’ importanza internazzjoni, li huma l-Garnija, iċ-Ċiefra u l-Kanġu ta’ Filfla, bl-għan li jiskopri liema siti fl-ibħra Maltin huma l-iktar importanti għall-għixien tagħhom.