Aġġornata (1): Birdlife Malta tikteb lill-Kummissjoni Ewropea rigward nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-kaċċa

B’reazzjoni għall-istqarrija maħruġa aktar kmieni minn Birdlife Malta, is-Segretarjat għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali sostna li mhux minnu li l-Gvern qed jirrifjuta jippublika informazzjoni dwar il-kaċċa tar-Rebbiegħa ta’ din is-sena.

L-istqarrija tas-Segretarjat tkompli tispjega li l-Birdlife taf li l-informazzjoni trid tinġabar minn entitajiet diversi fosthom il-pulizija u l-MEPA qabel din tingħata mill-Ornis Committe.

Kien għalhekk li s-Segretarjat akkuża lill-Birdlife Malta li tkun tqarraq meta tgħid li l-Gvern qed jirrifjuta jippublika ċifri għax dan jimplika li l-Gvern għandu x’jaħbi.

Is-Segretarjat temm jgħid li fil-laqgħa li jmiss tal-Ormis Committee se tingħata l-informazzjoni kollha.

Aktar kmieni:

L-għaqda BirdLife Malta qalet li bagħtet komunikat urġenti lill-Kummissjoni Ewropea dwar dak li qed issejjaħlu bħala n-nuqqas tal-gvern milli jipprovdi informazzjoni dwar l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa ta’ din is-sena.

Intqal li din l-informazzjoni twiegħdet lil Birdlife Malta permezz tal-kumitat Ornis u li din kellha tasal sa Ġunju li għadda.

Birdlife Malta speċifikat kif baqgħet ma rċevietx l-informazzjoni mitluba mill-MEPA, mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-kaċċa, kif ukoll mill-pulizija.

Kelliem għall-Birdlife Malta kompla jgħid li fis-snin ta’ qabel, l-informazzjoni li tintalab kienet dejjem tingħata fil-ħin filwaqt li din is-sena, qed tgħid li l-gvern qed jirrifjuta li jippublika ċifri dwar il-kaċċa. L-informazzjoni li qed tintalab tinkludi statistika dwar in-numru ta’ kaċċaturi reġistrati, in-numru ta’ uffiċjali li ġew allokati għall-infurzar tal-liġi kontra l-kaċċa llegali, kif ukoll dwar in-numru ta’ tajr li ġew rappurtati maqtula.