BirdLife Malta bi kwerela biex jiġu rtirati l-liċenzji tal-kaċċa

Aġġornat 12:45 PM

Read in English.

BirdLife Malta ppreżentat kwerela lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jirtira l-liċenzji tal-kaċċa kollha maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex.

Fi stqarrija, BirdLife Malta spjegat li se tkun qed tuża kull metodu possibbli biex trażżan id-deċiżjoni tal-Gvern li jiftaħ il-kaċċa fir-Rebbiegħa li tipperikola l-Gamiema u għasafar protetti.

L-għaqda, aktar kmieni din is-sena, ressqet protest ġudizzjarju fil-Qorti b’rabta mad-deċiżjoni li l-Prim Ministru Robert Abela jpoġġi lil Clint Camilleri, il-Ministru għal Għawdex, bħala refolatur tal-kaċċa. BirdLife Malta spjegat li ħasset il-bżonn li issa tissottometti kwerela minħabba li l-liċenzji tal-kaċċa ħarġu mill-Ministeru għal Għawdex, meta skont il-liġijiet ambjentali ta’ Malta, il-Ministru għal Għawdex m’għandu l-ebda dritt legali biex joħroġ dan id-dokument.

L-għaqda qalet li dan ifisser li l-liċenzji huma invalidi u kull min ħareġ għall-kaċċa qed jikser il-liġi. BirdLife Malta llum talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jieħu l-miżuri kollha li tagħtih il-liġi sabiex jirtira l-liċenzji tal-kaċċa ta’ dawk in-nies li ħarġu għall-kaċċa u fosthom kien hemm min qatel tajr protett. Qalet li filmati prova ta’ dan ixxandru minn diversi għaqdiet ambjentali bħal BirdLife Malta stess u l-Committee Against Bird Slaughter (CABS).

Wara li ppreżentaw il-kwerela lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, il-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima u l-Kap Eżekuttiv Mark Sultana spjegaw f’konferenza tal-aħbarijiet li din l-evidenza li akkwistat BirdLife Malta tikkonferma kif id-deċiżjoni li l-kaċċa u l-insib jgħaddu taħt il-portafoll tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri saret bi ksur tal-liġi.

Il-Pulizija ntalbet tieħu azzjoni biex tiżgura li b’mod immedjat kull min qiegħed joħroġ għall-kaċċa b’liċenzja mhux valida jitressaq il-Qorti skont kif tistipula l-liġi tal-ambjent ta’ Malta.

“Il-gvern mexa skont il-proċeduri adottati matul is-snin” – Ministeru għal Għawdex

Fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex sostna li hu dejjem mexa skont il-proċeduri li ġew adottati dejjem tul is-snin.

B’hekk qal li l-gvern iqis bħala mhux f’lokhom it-talbiet biex jittieħdu proċeduri kriminali kontra s-6,000 persuna li huma liċenzjati skont Avviż Legali 140 tal-2020 ‘Regolamenti tal-2020 dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi’ (Dikjarazzjoni dwar Deroga għal Staġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa tal-2020 għas-Summiena).

Qal li ta’ min jinnota li din il-kwerela hi bbażata fuq regolamenti li jitkellmu dwar piena massima ta’ €10,000 jew sentejn ħabs kif ukoll ir-revoka permanenti ta’ kull liċenzja jew permess.

“Filwaqt li issa hi l-pulizija li trid tanalizza t-talba li saret, il-gvern jemmen li din it-talba hi waħda bla bażi u mhux f’lokha,” temm jgħid il-Ministeru.