Birdlife jiġbru aktar minn €55,000 bl-għajnuna ta’ Chris Packham

Birdlife Malta ġabret aktar minn €55,000 fi ftit jiem kemm ilu l-preżentatur tal-BBC, Chris Packham f’Malta.
Flimkien ma’ grupp awdjoviżiv, Chris Packham kien qed jiffilmja l-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta.
Huwa ddeskriva l-kaċċa f’Malta bħala apokalissi.
Jirriżulta li wara li ġie interrogat mill-Pulizija Maltija għal aktar minn ħames sigħat, Chris Packham mar lura l-Ingliterra.
Il-Pulizija talbet lil Packham jgħaddi biex jagħmlulu xi mistoqsijiet wara li l-avukati tal-FKNK ressqu protest kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data.
L-FKNK sostniet li Chris Packham kien qed jiffilmja l-kaċċaturi fl-għelieqi u propjeta’ privata mingħajr permess.
Issa li Packham jinsab lura l-Ingilterra mhux magħruf jekk hux se jkompli jtella’ vidjows ġodda fuq Youtube kif kien qed jagħmel fil-ġimgħat li għaddew. 
Birdlife se tuża l-fondi li nġabru għall-kampanja tar-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa.