BioNTech ukoll tfittex l-approvazzjoni tal-vaċċin kontra l-Covid-19

Read in English.

Il-kumpanija Ġermaniża BioNTech qiegħda tfittex l-approvazzjoni għall-vaċċin li ħolqot kontra l-Covid-19.

Dan wara li l-kumpanija Moderna għamlet l-istess, billi ssottomettiet l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għand l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Pieter Liese, li huwa l-kelliem tas-saħħa għall-Partit Popolari Ewropew (PPE), stqarr li l-applikazzjoni ta’ BioNTech hi aktar importanti għall-Unjoni Ewropea, għax għalkemm Moderna tipproduċi fl-UE, l-UE se tirċievi kważi d-doppju tad-dożi mingħand BioNTech. Il-Kummissjoni Ewropea qablet fuq 160 miljun doża mingħand Moderna u 300 miljun doża mingħand BioNTech.

Liese spjega li l-eżaminazzjoni min-naħa tal-Aġenzija tal-Mediċina se ddum ġimgħat. Bassar li l-Istati Uniti u r-Renju Unit jintroduċu l-vaċċin fis-suq fil-jiem li ġejjin bl-għajnuna ta’ awtorizzazzjoni ta’ emerġenza. Madankollu, din l-awtorizzazzjoni ma tqisx il-konsegwenzi kollha li jaf ikollu l-vaċċin.