Binthom titwieled bid-Down Syndrome u jaddottaw tifel ukoll

Down syndrome adozzjoni

Koppja li t-tifla tagħhom twieldet bid-Down Syndrome adottaw tifel ċkejken bl-istess kundizzjoni biex ikun ħuha l-kbir. Allison u Andrew Sweatman minn Arkansas fl-Istati Uniti adottaw it-tifel Beau ta’ tliet snin biex jakkumpanja lil binthom Rosie.

Beau twieled għand koppja li tawh għall-adozzjoni. Il-koppja Sweatman jgħidu li huma kien qed ifittxu li jagħtu kenn lil tarbija bi bżonnijiet speċjali għax jafu li hemm nuqqas ta’ familji li jilqgħu lil dawn it-tfal, u allura mill-ewwel laqgħu lil Beau biex ikun parti mill-familja tagħhom.

Il-koppja tgħid li ovvjament kienu mwerwra meta fl-għoxrin ġimgħa tat-tqala saru jafu li l-ewwel tarbija tagħhom Rosie kellha Down Syldron u kellha difett f’qalbha. Dan il-fatt wassalhom biex imorru lura d-dar fl-Istati Uniti miċ-Ċina fejn kienu qed jaħdmu bħala għalliema.

It-tarbija twieldet b’ċesarja b’emerġenza u qattgħet l-ewwel sena dieħla u ħierġa l-isptar. Ta’ tliet xhur saritilha operazzjoni f’qalbha, kellha kumplikazzjonijiet f’saħħitha u kundizzjoni fejn l-għadam fir-ras jingħaqad b’mod prematur. Iżda ftit ftit saħħitha bdiet ġejja ‘l quddiem u l-ġenituri setgħu igawduha u jiċċelebraw ħajjitha. Jirrakkuntaw kif issa li t-tifla għandha tliet snin, u rawha tegħleb il-battalji u tirnexxi, m’għadhomx imwerwrin li jrabbu t-tifla bid-Down Syndrome.

F’Novembru li għadda iltaqgħu ma’ Beau, li llum għandu erba’ snin u mill-ewwel bnew relazzjoni tajba miegħu. Jispjegaw is-sodisfazzjon kbir tagħhom li jaraw iż-żewġt itfal jikbru flimkien u jiżviluppaw ħiliet ġodda. Qalet li bħala familja iqanqlu l-kurżità u n-nies ġieli jsaqsuhom il-mistoqsijiet, imma jħossu li huma familja normali daqs ħaddieħor. Iħossuhom kuntenti bid-deċiżjoni li jaddottaw it-tifel biex ikun parti minn familja u jikber u jkompli jiżviluppa flimkien ma’ oħtu.