Bint vittma tal-Covid-19 tgħid li missierha ħa l-virus mill-isptar

vittma coronavirus Charlie Buhagiar
Facebook

L-infermiera Carla Martinez al Hamo, bint Charlie Buhagiar, ir-raġel li tilef ħajtu lbieraħ bil-coronavirus, allegat li missierha ħa l-virus mill-Isptar Mater Dei.

Huwa kellu 67 sena.

Fuq Facebook, bint Charlie tal-Għaġin, kif kien magħruf mal-Qriema li jafuh, spjegat li missierha daħal l-Isptar Mater Dei wara li kien irriżulta fin-negattiv għall-coronavirus. Qalet li huwa tqiegħed f’sala ma’ pazjenti oħra li kienu qegħdin jistennew ir-riżultat tal-iswab test.

Wara li sarulu erba’ swab tests oħra, huwa ħareġ pożittiv għall-virus. B’hekk dam ħamest ijiem l-isptar. “Kieku ma kienx il-Covid, il-pa għadu magħna, għax qatt ma kellu problemi ta’ saħħa kif qed tpinġuh intom,” kitbet bintu.

Kelhu kundizjoni uterjulhi!!!!!! Kelhu Vera il qalb imma liktar li baqqat sodda dan iz zmien kollhu. Ghax ma tajtx sur…

Posted by Carla Martinez Al Hamo on Sunday, October 11, 2020

Oħt il-vittma wkoll kitbet fuq il-mezzi soċjali li ħuha ma kellux problemi ta’ saħħa, sempliċiment għamel operazzjoni tal-bypass ftit tas-snin ilu imma qatt ma kellu kumplikazzjonijiet. Iddeskrivietu bħala “raġel mimli saħħa.”

Skont il-Ministeru tas-Saħħa, ir-raġel iddaħħal l-Isptar Mater Dei fit-28 ta’ Settembru u kien ikkonfermat pożittiv għall-coronavirus fl-1 ta’ Ottubru. Hu baqa’ jingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei sal-bieraħ filgħodu meta tilef il-battalja kontra l-Covid-19.

Għexieren isellmu lil Charlie tal-Għaġin

Diversi persuni rrikorrew għal Facebook biex isellmu l-memorja ta’ Charlie tal-Għaġin, kif kien magħruf f’Ħal Qormi.

Huwa ġie deskritt bħala xempju tal-irġiel u bħala raġel li jagħmel kollox għal familtu.

Kien iħobb il-karozzi antiki u kien involut ukoll fil-klabb tal-hockey ta’ Ħal Qormi. Il-klabb għadda l-kondoljanzi tiegħu lill-familja f’dan il-mument diffiċli.

On behalf of myself as President Qormi Hockey Club and the committee, players and members of the club, I offer our…

Posted by Sebastian Fenech on Sunday, October 11, 2020