Bint l-ekspija Russu tirrifjuta għajnuna mir-Russja

Yulia Skripal, bint l-ekspija Russu li ġew ivvelenati fl-Ingilterra x-xahar li għadda, qalet li ma trid l-ebda tip ta’ assistenza mill-ambaxxata Russa f’Londra.
F’dikjarazzjoni li ħarġet il-Pulizija Ingliża f’isimha lbieraħ, Skripal qalet li missierha għadu fi stat serju u li hi stess għadha qed issofri mill-effetti li ħalla fuqhom il-kuntatt ma’ kimika organika li jkun fiha l-fosfru, li l-effett tagħha hu li tipparalizzalek in-nervituri li jgħaddu l-messaġġi lill-organi fil-ġisem.
L-attakk, li l-Ingilterra qed tgħid kien ikkummissjonat mir-Russja, wassal għal waħda mill-akbar tkeċċijiet ta’ dipplomatiċi mir-Russja u l-pajjiżi tal-Punent mill-Gwerra l-Bierda.
Skripal qalet li għandha aċċess għall-ħbieb u l-familja u li taf li hemm persuni fl-ambaxxata Russa li lesti li jgħinuha, iżda ma tixtieqx li għalissa tagħmel użu minn dawn is-servizzi. Għaldaqstant qalet li taf li jekk ikun hemm bżonn taf li tista’ tkellimhom.
Min-naħa tagħha l-ambaxxata Russa li qalet li talbet aċċess għal Skripal u akkużat lill-awtoritajiet Brittanniċi li ħatfuha, qalu li jiddubitaw li dak il-kliem ġenwinament ġew minn Yulia.