Bint tirringrazzja l-pubbliku wara l-mewt ta’ ommha f’inċident f’Għajnsielem

Bint Ivy Evinson, Sofia, tkellmet permezz tal-profil ta’ Facebook ta’ ommha fejn irringrazzjat lil dawk kollha li kienu ta’ sapport għaliha fi żmien tant diffiċli.

Il-mara li għamlet xi jiem tissielet għal ħajjieta wara l-inċident li seħħ f’Għawdex fis-16 ta’ Awwissu tilfet ħajjitha ilbieraħ.

Aqra: Tmut il-passiġġiera involuta f’inċident f’Għajnsielem

Bintha Sofia spjegat li hija xi ħaġa sabiħa li saret taf kemm ommha ħalliet impatti fuq persuni differenti matul ħajjitha. Qalet li se jkunu qed iħabbru d-dettalji dalwaqt dwar avveniment li se jkun qed isir fil-memorja ta’ ommha.

Fil-kummenti għexieren ta’ persuni taw is-sapport tagħhom lil bint Evinson u anke assigurawha li jkollha xi jkollha bżonn se jkunu hemm għaliha. Oħrajn esprimew xokk qawwi għat-telfa tal-ħabiba tagħhom, dawk li kienu jmorru skola magħha, dawk li f’xi żminijiet ħadmu magħha. Oħrajn qalu li jifhmu l-uġigħ li bħalissa għaddejja minnu t-tifla hekk kif anke huma tilfu l-ġenituri tagħhom f’età żgħira.

Il-mara li hija oriġinarjament mil-Latvja iżda residenti s-Swieqi u li kellha 41 sena kienet passiġġiera ma’ Norveġiż ta’ 43 sena li joqgħod Ta’ Kerċem. Hija kellha tittieħed l-Isptar Mater Dei mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ħelikopter minħabba l-ġrieħi serji li ġarrbet. Fil-karozza kien hemm ukoll Amerikan ta’ 47 sena li joqgħod ir-Rabat u Ġermaniż ta’ 51 sena li joqgħod ix-Xagħra. It-tliet irġiel sofrew minn ġrieħi gravi.

Aqra: Aġġornata: Mara tissielet għal ħajjitha wara ħabta f’Għajnsielem; 9 feruti

Il-karozza l-oħra kienet misjuqa minn mara ta’ 36 sena min-Nadur. Rekbin magħha kien hemm Kanadiża ta’ 45 sena u tlett itfal bl-etajiet ta’ disa’ snin, 11-il sena u 14-il sena. Is-subien ta’ disa’ snin u 14-il sena għandhom ġrieħi gravi, filwaqt li ż-żewġ nisa u t-tifel ta’ 11-il sena għandhom ġrieħi ħfief.