Bint Evelyn Vella Brincat tieħu post ommha fil-Kunsill

Bint Evelyn Vella Brincat, Desiree, se tkun qed tieħu post ommha fil-Kunsill Lokali ta’ Pembroke f’isem il-Partit Nazzjonalista. Dan tħabbar fi stqarrija mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Clyde Puli. Post Evelyn Vella Brincat kien ġie vakanti wara l-mewt tagħha fit-18 ta’ Awwissu tal-2018.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li jinsab “ċert li Desiree Vella Brincat se tiddedika ħafna enerġija għall-ħidma favur il-lokalità ta’ Pembroke u r-residenti tal-istess lokalità.” Intant, il-kunsillier Charles Cesare fl-istess lokalità ġie maħtur bħala Minority Leader ġdid tal-grupp tal-kunsilliera tal-partit.