“Bint Aliyev tathom flus kbar” – DCG; Mizzi u Schembri jiċħdu

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kitbet fis-sit tagħha li għaddew flus kbar mingħand Leyla Aliyeva, bint id-dittatur Aliyev tal-Ażerbajġan għall-kumpaniji li għandhom fil-Panama, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kif ukoll lejn il-kumpanija Egrant, li s-sid tagħha għadu mhux ċar min hu.
Min-naħa tagħhom il-Ministru  Mizzi u Keith Schembri ċaħdu dan bil-qawwa kollha u ħarġu stqarrija li fiha qalu li se jagħmlu libell ieħor lil Caruana Galizia.
Daphne Caruana Galizia kitbet li bint id-dittatur tal-Ażerbajġan għaddiet il-flus mill-kumpanija tagħha Al Sahra FZCO li hija reġistrata f'Dubaj. 
Aliyeva wżat il-kont li din il-kumpanija għandha mal-Bank Pilatus. Il-flus li skont DCG għaddew lill-kumpaniji, dehru bħala 'ħlas ta' self.'
Mizzi u Schembri qalu fi stqarrija li qatt ma għaddew flus fil-kumpaniji li għandhom fil-Panama. Żiedu jgħidu li dak li kitbet Caruana Galizia huwa gideb.
Daphne Caruana Galizia qalet li se tippublika aktar tagħrif għada.