Binjiet fil-Belt Valletta rrestawrati

Diversi binjiet fil-Belt Valletta se jiġu restawrati billi jingħatalhom wiċċ ġdid.
Fi stqarrija l-Awtorità tal-Ippjanar spjegat li fil-jiem li ġejjin se jsiru żewġ proġetti li ġew approvati mill-Kummissjoni tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex toroq mitluqa jingħataw dehra ġdida.
Wieħed mill-proġetti jinkludi r-restawr tal-faċċati ta’ tlitt idjar kbar biswit xulxin li jkopru medda ta’ 30 metru.
Dawn id-djar qegħdin fi Strada Stretta u waħda minnhom kienet ta’ Fra Agostino Sans de Lallosa.
Ġara ta’ din id-dar hija Casa Viani, propjetà b’elementi barokki fil-faċċata. Fl-1743, id-dar saret propjetà tal-Università u maż-żmien inbiegħ fi rkant pubbliku u nxtrat mill-Fondazzoni Manoel.
It-tielet proprjetà hija binja b’faċċata klassika. Fl-1731 inbiegħet lill-Fondazzjoni Manoel u parti mis-sular t’isfel kienet infetħet bħala stabbiliment kummerċjali.
Il-proġett l-ieħor approvat se jirrestawra faċċata twila 18-il metru tal-bnija magħrufa l-Kerrejja fi Triq San Pawl.