Binja ta’ 4 sulari fuq għerien u xelter fix-Xagħra

Il-ħaddiema waqt spezzjoni minn espert arkeoloġiku.

Żona fix-Xagħra, Għawdex mistennija tinbena fuq għerien u xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija. Dan hekk kif l-iżviluppatur issottometta l-applikazzjoni tiegħu għal bini ta’ disat idjar mifruxa fuq erba’ sulari f’sit li jinsab fi Triq ta’ Bullara.

Is-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali qalet li mhix se toġġezzjona għal dan l-iżvilupp għaliex innutat li fil-pjanti, l-iżviluppatur qal li se jżomm tliet metri ‘l bogħod mill-għerien u x-xelters li jinsabu f’dan is-sit. Mhux maħsub li jkun hemm aċċess pubbliku għal dawn ix-xelters u l-għerien.

Għalkemm l-iżviluppatur għandu l-permessi meħtieġa, reġgħu ġew issottomessi pjanti ġodda mill-Perit Alexander Bigeni biex isiru xi tibdiliet.

Pjanta tas-sit fi Triq ta’ Bullara fix-Xagħra, Għawdex

Dwar dan il-każ, 20 resident iffirmaw petizzjoni li ġiet ippreżentata f’rappreżentazzjoni waħda lill-Awtorità tal-Ippjanar il-ġimgħa li għaddiet.

Inbagħtet ukoll ittra lill-Prim Ministru bl-oġġezzjoni tar-residenti. L-ittra ntbagħtet f’isem “Neil” li qal li qed iwassal il-“karba ta’ ħafna residenti”. Spjega li b’dan l-iżvilupp fix-Xagħra, il-“memorji ta’ nanniet u storja tagħna ser jinqerdu darba u għal dejjem”.

Jgħid ukoll li din l-art kienet tal-Gvern u ġiet mibdulha ma’ art privata.