Binja fl-Università vakata biex tintuża mill-Isptar Mater Dei

Read in English.

Il-binja Gateway fl-Università ta’ Malta qed tiġi rinovata sabiex tospita ċerti dipartimenti tal-Isptar Mater Dei. Dan sabiex ikun hemm aktar spazju fl-isptar għall-pazjenti li nstabu pożittivi għall-coronavirus.

Ħaddiema kienu fuq il-post illum biex jadattaw is-swali fejn isiru l-lezzjonijiet għall-bżonn il-ġdid li se jkunu qed jaqdu. Id-Dipartiment tal-Fiżjoterapija tal-Isptar Mater Dei x’aktarx se jkun wieħed mid-Dipartimenti li se jitniżżel fil-binja fl-Università.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li din id-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa li saret aktar kmieni din il-ġimgħa bejn il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, ir-Rettur tal-Università l-Prof. Alfred Vella u l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Celia Falzon.

Id-deċiżjoni li tintuża’ l-binja ta’ Gateway tikkorrispondi mal-policy tal-Gvern sabiex jiġi vakat kemm jista jkun spazju fl-Isptar Mater Dei biex dan jintuża mill-pazjenti tal-coronavirus. Dan hekk kif in-numri mistennija jkomplu jikbru hekk kif l-infezzjonijiet lokali qed jiżdiedu.

Waħda mill-possibiltajiet diskussi waqt il-laqgħa bejn Fearne, Vella u Falzon kienet l-użu ta’ Gateway għall-pazjenti tal-coronavirus. Minkejja dan din il-possibilità mhux se sseħħ.

Waqt il-laqgħa ntalaħaq ftehim biex jiġu vakati l-uffiċċji kollha tal-akkademiċi tal-Fakultajiet tal-Health Sciences u tas-Surgery and Medicine.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn